Lokali Saħħa

Is-sitwazzjoni fis-swali tal-operazzjonijiet għadha ma ssolvietx

Fis-swali tal-Operazzjonijiet fl-isptar Mater Dei hemm nuqqas kbir ta’ Anesthetic Nurses. Dawn l-infermieri huma impirtanti meta ssir operazzjoni hekk kif ikunu huma li jassistu meta t-tobba speċjalizzati jagħtu l-loppju lill-pazjenti u jkunu huma li jibqħu mal-pazjenti wara l-Operazzjoni.

Dan in-nuqqas għadu ma ġiex indirizzat mill-management tal-Isptar Mater Dei u lanqas mill-Gvern. Dan hekk kif fl-aħħar sigħat il-gvern bagħt biss 10 nurses biex jiżdiedu ma’ dawk li hemm biex itaffu l-ammont ta’ xogħol li waqa’ kollu fuq ammont żgħir ta’ infermieri.

Fis-swali tal-Operazzjonijiet ikun hemm żewġ tipi ta’ infermieri; Scrub Nurses u Anesthetic Nurses.

Jirriżulta li l-gvern bgħat biss Scrub Nurses bir-riżultat li l-infermieri tal-loppju baqgħu fis-sitwazzjoni li kienu fiha – ammont ta’ xogħol li ma jistgħux ilaħħqu miegħu u dan għad-detriment tal-pazjent għaliex mhux qed ikun hemm biżejjed infermieri tal-loppju għal mal-pazjenti. Infatti bħalissa l-aktar sitwazzjoni gravi tinsab fir-Recovery Room.

Jirriżulta wkoll li l-anesthetic nurses li hemm fis-swali tal-operazzjonijiet qed jintalbu biex jibdew ikunu on-call dan minbarra li kollha qed jispiċċaw jagħmlu l-overtime kull darba li jkunu xogħol.

Uħud minn dawn l-infermieri li tkellmu ma’ netnews.com.mt qalu li ma jistgħux jibqgħu f’din is-sitwazzjoni għaliex mhux ġust fil-konfront tagħhom.

Minn naħa tagħha l-MUMN meta kkuntatjata minn NET News ikkonfermat li l-gvern ma laqgħax it-talba tagħha biex jiżdiedu 20 infermier. Dan hekk kif il-gvern żied biss nofs dak l-ammont.

L-MUMN qalet wkoll li mil-llum bdew laqgħat bejn il-managment tal-isptar, l-infermieri u li għalihom se tkun preżenti l-MUMN biex flimkien jaraw kif jistgħu jaħdmu biż-żieda ta’ 10 infermieri. Dawn il-laqgħat huma mifruxa fuq 15-il jum. Jekk ma jintlaħaqx qbil l-MUMN qalet li l-gvern wegħdhom li fl-1 ta’ Marzu jiżdiedu 5 oħra u fil-15 ta’ Marzu jiżdiedu 5 oħra.

Iżda l-infermieri li tkellmu ma’ netnews.com.mt qalu li m’humiex kuntenti b’dan il-qbil li għamlet l-MUMN u jinsabu rrabjati anke għall-Union. Dan għaliex ma jistgħx jistennew sa Marzu biex is-sitwazzjoni tagħhom tkun indirizzata.