It-tanker Um el Faroud, li fl-1995 sploda fit-Tarzna ta’ Malta u ħasad il-ħajja ta’ disa’ ħaddiema, illum-il ġurnata jinsab maqsum fi tnejn f’qiegħ il-baħar, biż-żewġ partijiet li qed jitbegħdu minn xulxin f’fenomenu impressjonanti meta wieħed iqis li dan kien bastiment ta’ 10,000 tunnellata.
F’filmati li kiseb Net News jidher ċar kif iż-żewġ partijiet ta’ dan il-bastiment, li fl-1998 tniżżel fil-qiegħ tal-baħar biex iservi bħala sikka artifiċjali u sit għall-għaddasa ‘il barra minn Wied iż-Żurrieq, iċċaqilqu diversi metri bogħod minn xulxin. Il-bastiment kien inqasam fi tnejn f’maltempata qalila fix-xitwa tal-2006.
Il-filmati nġibdu mill-għaddasa Raniero Borg u John Zammit, li s-Sibt niżżlu bukkett fjuri b’tifkira tal-vittmi f’għeluq it-23 sena minn inċident li xxokkja lill-pajjiż u jimmarka l-memorja ta’ ħafna, tant snin wara.
Ma’ Net News, Raniero spjega kif meta tniżżel f’qiegħ il-baħar, il-bastiment tal-Gvern Libjan kellu l-ħsara fil-wiċċ tiegħu, kawża tal-isplużjoni, iżda żgur li ma kellux il-qsim li żviluppawlu fl-aħħar snin u li wassluh biex jinqasam fi tnejn.
Mill-bqija, il-bastiment għadu pjuttost preservat, u minkejja li s-sit hu pjuttost ġdid, in-natura bdiet taħkmu. Dan joħroġ biċ-ċar mill-filmati fil-pussess tagħna li juru kif madwaru beda jikber ħaxix tal-baħar kif ukoll diversi speċi ta’ ħut qed jiffrekwentaw din iż-żona.
It-traġedja tal-Um el Faroud ħasdet il-ħajja ta’ George Aquilina ta’ 24 sena u George Xuereb ta’ 58 sena minn Ħal Qormi, Charles Callus ta’ 46 sena mill-Belt Valletta, Mario Hales ta’ 39 sena mill-Imqabba, Simon Mifsud ta’ 26 sena mill-Birgu, Simon Pisani ta’ 22 sena mill-Imsida, Angelo Sciberras ta’ 51 sena minn Ħaż-Żabbar, Anthony Vassallo ta’ 29 sena minn Ħad Dingli u Paul Seguna ta’ 37 sena Ħaż-Żebbuġ.


