Lokali Parlament

Il-Gvern ma wettaqx il-proġetti li wiegħed f’Għawdex

– Chris Said, PN

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said ta lista sħiħa tal-proġetti li l-gvern Laburista ma wettaqx f’Għawdex minkejja li kienu mwegħda mill-istess Gvern.

Fil-parlament Chris Said qal li hemm ħafna proġetti u wegħdi għal Għawdex iżda ma twettaq xejn minnhom. Fost dawn hemm il-wegħda ta’ tliet skejjel ġodda iżda issa l-gvern qed jaħseb li jerġa’ jibdel is-sit fejn jibni l-iskola primarja tar-Rabat, meta din suppost kienet lesta f’Settembru 2017.

Hemm ukoll il-wegħda tal-Univeristy Residence li dwarha ma sar xejn bl-istudenti jkompli jiffaċċjaw id-diffikultajiet tal-kirjiet f’Malta. Wegħdi oħra mhux miżmuma huma l-ilma għall-bdiewa, il-marina tal-jottijiet, il-cruise liner terminal ġdid, il-casino, it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex, il-pixxina, il-qorti, id-dar tal-anzjani, il-parkeġġ fir-Rabat, il-fast ferry service, it-taraġ fi Pjazza San Franġisk, l-offerta għall-mina, il-white paper dwar id-devoluzzjoni ta’ aktar poter lil Għawdex, ir-restawr tal-Mitħna tax-Xewkija u l-Għar ta’ Calypso u l-Mużew ta’ Għawdex.

Għawdex jixraqlu aħjar, sostna Chris Said, anki fuq kumitat operattiv għal Kemmuna li wkoll ma twaqqafx.

Chris Said qal li gvern tal-PN naqqas il-waiting list b’600 peruna fl-akkomodazzjoni soċjali iżda din issa reġgħet żdiedet għaliex twaqqfet l-Iskema Kiri; liema skema kienet toffri ippjanar. Il-Gvern ma benix iktar djar iżda uża numru ta’ postijiet mingħand il-privat, li ngħata rata ta’ taxxa mnaqqsa biex ikun ta’ inċentiv. Kieku din l-iskema baqgħet titħaddem, iktar nies kienu jsibu l-akkomodazzjoni waqt li l-privat kien ikun garantit minn rata favorevoli.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar is-saħħa f’Għawdex u qal li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hemm sitwazzjoni li qed tinkwieta lill-poplu Għawdxi. Din hi problema reali lit-tliet deputati Laburisti Għawdxin qed jevitaw li jitkellmu dwarha. Huma għandhom jgħidu jekk jaqblux ma’ dak li qed iseħħ. Dan l-isptar għandu jerġa’ jsir tal-poplu għaliex il-VITALS fallew f’inqas minn 21 xahar. Din il-kumpanija llum falliet.

Il-PN kien qawwi biex l-uniku sptar pubbliku f’Għawdex ma jkunx privatizzat, għalkemm il-PN mhux kontra l-privatizzazzjoni iżda hu kontra l-privatizzazzjoni tal-uniku sptar f’Għawdex. Il-PN kien qawwi wkoll fuq l-għażla tal-VGH; kumpanija li ħadd ma jaf dwarha u minn hemm warajha.

Din il-kumpanija kellha l-ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa iżda l-gvern afda s-sħħa f’idejn kumpanija li hi bla ebda esperjenza fis-saħħa. Il-VGH m’għandha l-ebda ċenteżmu tagħha u l-ebda bank ma sellifha għax mhix kumpanija serja.

Il-Gvern jista’ jirranġa l-iżball billi jieħu l-isptarijiet lura; b’mod partikolari l-Isptar ta’ Għawdex iżda l-gvern qed ikompli jistina rasu u minkejja li l-VGH kisret l-obbligazzjonijiet li daħlet għalihom, il-gvern irid jibqa’ għaddej bil-privatizzazzjoni minkejja l-ksur tagħhom.

Id-deputat Nazzjonalista semma l-helicopter u qal li l-VGH qed tingħata €1.2 miljun fis-sena meta l-helicopter iktar ma jaħdimx milli jaħdem mit-taxxi tal-poplu. Bl-istrajk, it-tobba bagħtu messaġġ li l-gvern qed jaġixxi b’mod ħażin. Id-deputati Laburisti Għawdxin għanhdom jitkellmu qabel ikun tard wisq.

Il-kumpanija issa qalet lill-ħaddiema tal-ambulanzi li m’għandhiex flus biex issewwihom u m’hemmx flus biex isewwu r-roti tal-istrechters li kien qed jintużaw bi tliet roti.

Chris Said tkellem dwar it-toroq u qal li l-gvern ma wettaqx il-proġetti kapitali fis-sena li għaddiet. In-nefqa ta’ €3 miljuni fuq it-toroq mhix biżżejjed. Waħda mill-ikbar tħassib tal-poplu Għawdxi hu l-istat tat-toroq f’Għawdex. Fi żmien gvern Nazzjonalista saru t-toroq mill-fondi tal-UE b’investiment ta’ miljuni ta’ toroq, li nbnew mill-ġdid. Mhux stabbilit kemm mill-€1,200 miljun fondi mill-UE se jintefqu f’Għawdex għaliex jidher li m’hemm l-ebda investiment għat-toroq f’Għawdex.