Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq qed temmen f’attakk potenzjali mill-Istati Uniti 

Il-Korea ta’ Fuq akkużat lill-Istati Uniti b’li qed tipprova taggrava s-sitwazzjoni fil-peniżola Koreana li hi mifruda bejn l-Istat komunista u l-Korea t’Isfel.

Ir-reġim fi Pyongyang, sadanittant, sostna, li l-Amerikani qegħdin ‘jistazzjonaw assi nukleari kbar’ viċin iz-zona tiegħu, filwaqt li jippreparaw għal ‘attakk possibbli fuq il-Korea ta’ Fuq’ bil-ħsieb li dan idgħajjef il-kapaċitajiet tal-Armata komunista.

Id-diplomatiku tal-Korea ta’ Fuq, Ju Yong Chol, fisser ‘din is-sitwazzjoni’ meta tkellem waqt Konferenza dwar id-Diżarm sponsorjata min-Nazzjonijiet Uniti.Hu qed jibbaża t-teorija ‘fuq in-natura u l-iskala tar-reinforzi militari tal-Amerikani’ qrib il-peniżola Koreana.

Sadanittant, Chol sostna li l-uffiċjali tal-Istati Uniti, fosthom, is-Segretarju għad-Difiża Amerikan u d-Direttur tal-Aġenzija CIA, kemm il-darba tkellmu dwar it-theddida missilistika u nukleari min-naħa tal-Korea ta’ Fuq ‘biex jiġġustifikaw l-argument għal azzjoni militari u sitwazzjoni fejn Washington tista’ tagħti l-ewwel daqqa (militari) fil-kriżi’.

Id-diplomatiku komunista, fl-istess ħin, qal li attakk mill-Amerikani intiż biex jiddistabbilizza l-kapaċità militari ta’ Pyongyang ‘qed ikun ikkunsidrat mill-Amministrazzjoni f’Washington.