Lokali

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jieqaf jaħdem sakemm toħroġ il-verità

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jieqaf jaħdem qabel jikxef il-verità kollha f’dak kollu li jagħmel il-Gvern Laburista.

Hi din il-wegħda tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li t-Tnejn filgħodu ndirizza lil iktar minn 400 persuna li nġabru għal coffee morning u tombla organizzati mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit, Robert Arrigo, fil-lukanda Topaz.

Adrian Delia ddeskriva l-verità bħala l-aqwa għodda li wieħed jista’ juża, u qal li dan hu dak li se jagħmel il-Partit Nazzjonalista fil-konfront ta’ Gvern li jaħdem bil-qerq.

Bħala eżempju ta’ dan, Adrian Delia fakkar kif il-Gvern ma riedx lil John Rizzo fil-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni, ħeba dwar il-proċess ta’ tender fl-għoti tal-isptarijiet lill-kumpaniji privati kif ukoll dwar il-ħatra ta’ Sindku ġdid f’San Pawl il-Baħar. Madankollu f’dawn l-episodji kollha, il-Partit Nazzjonalista u l-verità ħarġu rebbieħa.

Qal ukoll li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhux se taċċetta li l-Gvern ikompli jagħti miljuni fuq miljuni lil kumpanija fit-tmexxija tal-isptarijiet lokali li lanqas biss irid jiżvela min hemm warajha

Se nibqgħu kuljum, b’kull mezz li għandna, niġġieldu għall-verità wiegħed Adrian Delia waqt li ddeskriva lil dawk preżenti bħala rappreżentanza tal-valuri tal-għaqda u l-familja.

Fl-indirizz tiegħu, Robert Arrigo irringrazzja lil dawk preżenti li ddeskrivihom bħala pilastru importanti li l-partit tant għandu bżonn.

Din l-attività hi biss waħda minn sensiela ta’ attivitajiet li l-Partit Nazzjonalista għandu ppjanati għall-ġimgħat li ġejjin.