Internazzjonali

Il-Polonja: Il-President jisfida bl-abbozz dwar l-Olokawst

Il-President Pollakk, Andrzej Duda, qal, li se jiffirma bħala liġi abbozz li jimponi termini ta’ ħabs għal min jissuġġerixxi li l-Polonja kienet ‘kompliċi’ fl-Olokawst ( il-qerda tal-Lhud taħt idejn in-Nażisti fit-Tieni Gwerra Dinjija). Id-dikjarazzjoni qed titqies bħala sfida diretta lil Iżrael, l-Istati Uniti u gruppi ta’ attivisti li qed jopponu lill-abbozz.

Il-President tal-Polonja, li kien qed jagħmel diskors fuq it-televiżjoni, sostna li l-leġislazzjoni inkwistjoni għandha taċċerta ‘id-dinjità tal-Polonja u li l-pajjiż jibqa’ fit-triq tal-verità’.

Il-Gvern tal-lemin f’Varsavja qed jgħid li l-liġi hi meħtieġa biex tipproteġi r-reputazzjoni taċ-ċittadini tiegħu u taċċerta li dawn ikunu rikonoxxuti bħala ‘vittmi u mhux kompliċi’ fl-aggressjoni tan-Nażisti matul it-Tieni Gwerra.

Intant, Iżrael qal li l-liġi partikulari għandha trażżan l-espressjoni ħielsa filwaqt li tikkriminalizza l-fatti bażiċi tal-istorja — minbarra li twaqqaf kull diskors dwar ir-rwol li kellhom ‘xi Pollakki’ fir-reati tan-Nażi. L-attivisti, min-naħa tagħhom, qalu li l-appoġġ għal-liġi kontroversjali qed ikattar ukoll żieda fis-sentimenti anti-Semitiċi.

‘Il fuq minn tliet miljuni fost it-3.2 miljun Lhud fil-Polonja ( fi żmien it-Tieni Gwerra) kienu nqatlu min-Nażisti u dawn jagħmlu tajjeb għal kważi nofs il-Lhud li sfaw meqruda matul is-snin mudlama tal-Olokawst.