Internazzjonali

Ir-rabtiet diplomatiċi bejn iċ-Ċina u l-Vatikan huma ‘inevitabbli’

 

Iċ-Ċina u l-Vatikan għandhom jistabbilixxu r-relazzjonijiet diplomatiċi formali fi żmien relattivament qasir, skont rapport li deher fil-Gazzetta tal-Poplu uffiċjali tal-Partit Komunista Ċiniż.

Ir-rapport inkwistjoni qed jallega li l-avviċinament hu dovut ‘għall-għaqal u d-dehen’ tal-Papa Franġisku li impenja ruħu biex jirrisolvi l-problemi bejn is-Santa Sede u Beijing.

Intant, abbozz ta’ ftehim dwar il-ħatra tal-isqfijiet bejn il-Vatikan u ċ-Ċina ġie konkluż u jista’ ikun iffirmat fi ftit xhur oħra. Dan meta s-sorsi qrib il-Vatikan huma konvinti li l-iffirmar se jipprovdi żblokk storiku fir-relazzjonijiet tas-Santa Sede maċ-Ċina.

F’każ li n-naħat jirrisolvu l-kwistjoni dwar min minnhom għandha tingħata r-responsabbiltà għall-ħatra tal-isqfijiet, il-Vatikan u ċ-Ċina jkunu jistgħu jħarsu ‘il quddiem lejn bidu ġdid għar-relazzjonijiet diplomatiċi.

Dan kważi 70 sena wara li r-relazzjonijiet inqatgħu meta l-komunisti kienu qed jieħdu l-kontroll taċ-Ċina u fi żmien meta kienu tkeċċew il-missjunarji minn dak il-pajjiż.

L-Assoċjazzjoni Kattolika Patrijottika, li ilha ż-żmien tiffunzjona f’Beijing, ma tirrikonoxxix lill-Papa, waqt li l-komunitajiet tal-Kattoliċi li jaħdmu ‘taħt l-art’ fiċ-Ċina u li baqgħu leali lejn il-Kap tal-Knisja, ilhom l-għexieren tas-snin ibatu minn persekuzzjoni sistematika.

Intant, uffiċjali tal-Gvern Ċiniż tkellmu ftit li xejn dwar ‘ir-rabtiet diplomatiċi’ inevitabbli mal-Vatikan.

Madankollu, il-Global Times, gazzetta Ċiniża influwenti ( li toħroġ bl-Ingliż), qed tgħid li ftehim fuq dan il-livell bejn Beijing u s-Santa Sede għandu jibbenefika ħafna lill-Kattoliċi.

Artiklu f’din il-gazzetta tenna li ‘Beijing u l-Vatikan, xi darba jew oħra, se jwaqqfu mill-ġdid ir-relazzjonijiet diplomatiċi meta l-Papa Franġisku, li għandu reputazzjoni pożittiva mal-poplu taċ-Ċina, mistenni jixpruna dawn ir-relazzjonijiet bilaterali filwaqt li jsolvi xi problemi relatati’.