– Edwin Vassallo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo appella lill-gvern biex jippjana fit-tul fis-settur ekonomiku għaliex jidher li l-pajjiż qed jippjana biss għall-immedjat.
F’diskors fil-parlament fid-dibattitu dwar l-Estimi Ġenerali tal-Gvern, Edwin Vassallo qal li l-maġġoranza tan-nies mhux iħossu s-surplus, għalkemm hemm deputati Laburisti li bla dubju għandhom surplus. Hu qal li l-gvern mhux iżomm il-wegħdi tiegħu u l-poplu qed iħallas fost l-ogħla prezzijiet tal-fuel fost affarijiet oħra.
Edwin Vassallo semma diversi setturi u qal li l-pajjiż għandu bżonn ta’ pjan għall-futur biex it-tqassim tal-ġid isir b’mod ġust. Il-budget tal-gvern juri li d-dinja għaddejja minn seba’ snin tal-ġid. F’Malta d-diskussjoni dwar it-tqassim tal-ġid ma teżistix.
Edwin Vassallo qal li l-gvern m’għandux ipoġġi lil kulħadd f’keffa waħda u staqsa jekk is-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiż hux sostenibbli. Ir-realtà hi li l-fqar qed jitfaqru. Id-dħul tal-pensjonanti fl-aħħar snin hu inqas minn dak fil-ħames snin ta’ qabel. Iż-żieda fil-paga minima f’Malta hi waħda mill-inqas fl-Ewropa.
Edwin Vassallo semma l-effetti tal-ħaddiema barranin fuq l-ekonomija Maltija u staqsa jekk hawnx l-ippjanar meħtieġ. Ir-rapport tal-IMF jikkonkludi dan kollu u jistaqsi kemm se jdum iservi l-aspett pożittiv minħabba li dan jiddependi mid-dħul mill-bejgħ tal-passaporti u l-kostruzzjoni.
//= $special ?>