Futbol Sport

Levski Sofia jegħlbu lil Gżira

F’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet nhar it-Tnejn fl-Istadium Nazzjonali, Gżira United sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-1 kontra t-tim Bulgaru, Levski Sofia.

Din kienet waħda mill-partiti tal-V18 Tournament li qed isir bħalissa u Levski Sofia huma wieħed mit-timijiet barranin li qiegħed Malta għal kamp ta’ taħriġ.

Kien David Jablonsky li fetaħ l-iskor għal Levski fil-21 minuta iżda fis-37 minuta Amadou Samb, l-aqwa skorer fil-Kampjonat BOV Premier, kiseb id-draw għall-Maroons b’daqqa ta’ ras.

Madankollu, il-Bulgari rebħu dan il-konfront meta fit-52 minuta ngħataw penalty li minnu Felipe Nascimento ma żbaljax biex għamel l-iskor finali 2-1.