Lokali Parlament

Se jkunu impjegati 300 xufier Paksitani fit-trasport pubbliku

– Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina kkritika l-applikazzjoni maħruġa biex fit-trasport pubbliku f’Malta jkunu impjegati 300 xufier mill-Pakistan; liema xufiera se jkunu imjegati b’pagi baxxi u biċ-cheap labour.

Meta kien qed jitkellem fil-parlamnet fid-dibattitu dwar l-Estimi Ġenerali tal-Gvern, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina tkellem dwar it-trasport pubbliku, l-agrikoltura u s-sajd.

Dwar it-trasport pubbliku, Toni Bezzina qal li s-sitwazzjoni m’hix ħafna aħjar minn dik li kienet ħames snin ilu. Hu qal li sa ħames ilu s-sussidju kien €9 miljuni fis-sena u llum bejn sussidju u għotjiet tal-UE qed jitħallsu €40 miljun lill-kumpanija barranija li topera t-trasport pubbliku.

Ħames snin ilu x-xufiera kienu kollha Maltin iżda issa hawn numru kbir ta’ xufiera barranin. Issa ħarġu applikazzjonijiet għal 300 xufier mill-Pakistan; tentattiv għaċ-cheap labour. Dan minflok li jiżdiedu l-pagi tax-xufiera Maltin. Jirriżulta li l-pagi lix-xufiera Pakistani se jonqsu b’10 darbiet u għalhekk il-gvern għandu jnaqqas is-sussidju lill-kumpanija barranin bl-istess ammont. Il-Gvern qed jixxaħħaħ mal-Maltin fis-settur soċjali biex jaġevola kumpanija barranija li qed tingħata miljuni f’sussidji.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina semma l-wegħda li titneħħa t-taxxa ta’ 3% lill-bdiewa u s-sajjieda u qal li din il-wegħda baqgħet ma nżammitx. Hu rrifera għall-kwistjoni tat-titlu legali li jkollhom il-bdiewa fuq l-art u qal li din il-wegħda ilha ripetuta minn sena għall-oħra iżda ma twettqitx.

Ma jistax ikun li dan is-settur jinvesti l-miljuni iżda l-bdiewa u r-raħħla ma jkollhom l-ebda titlu, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-abbuż tal-ftit m’għandux jeffettwa lill-ħafna. Hemm ukoll il-problema tal-bdiewa li jkollhom ammont ta’ art imferrxa li tfisser ammont ikbar ta’ spejjeż. L-ammont ta’ bdiewa żgħażagħ hu ta’ 5% fejn l-akbar problema hi li m’hawnx art li tista’ tinħadem għaliex l-art privatati tiswa wisq. Għalhekk għandu jsir studju dwar l-art tal-gvern, partikolarment l-art li mhix tinħadem li għandha tingħata lill-bdiewa żgħażagħ.

Il-qbiela għandha tinqaleb ukoll għal ċens, sostna Toni Bezzina, li tkellem ukoll dwar l-ilma trattat li l-Gvern Laburista kien wiegħed li se jitqassam b’żxejn. Fir-relatà din il-wegħda mhux titwettaq għaliex sar capping.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar ir-restawr tal-ġwiebi u qal li l-problema hi li l-applikazzjonijiet qed jaqtgħu qalb lill-bdiewa japplikaw. Il-Gvern kellu jipprovdi għajnuna lil dawn il-bdiewa biex jimlew l-applikazzjonijiet. L-inqas nies li qed jibbenefikaw mill-fondi tal-UE huma l-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda.

Dwar ir-riforma fil-pitkalija, Toni Bezzina staqsa x’sar minnha din ir-riforma u qal li l-gvern għandu jgħin lill-bdiewa fl-ippakkeġġjar u l-grading tal-prodotti agrikoli biex dawn jikkompetu fis-suq lokali mal-prodotti importanti.

Toni Bezzina tkellem dwar is-sajjieda u qal li l-gvern sema’ mill-ilmenti tas-sajjieda biex il-breakwater issa se jitwal. Hemm bżonn iktar ħidma fil-pixkerija biex ikun hemm spazju biex il-ħut ikun jista’ jiġi proċessat.

Toni Bezzina tkellem dwar it-toroq u semma’ li l-gvern qed jgħid li se jonfoq €700 miljun għall-bini ta’ diversi toroq iżda Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq u Triq il-Kuċċard Ħal Safi ilhom xhur twal biex jitlestew. Hu qal li r-residenti qed isofri minn inkonvinjenti kbar għaliex ix-xogħlijiet issa ilhom xhur twal bil-ministru jagħti informazzjoni skorretta dwar meta beda x-xogħol f’din it-triq.

Reazzjoni mill-Malta Public Transport

B’referenza għar-riportaġġ tad-diskors lis sar mid-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, Malta Public Transport tikkjarifika li l-pagi tal-impjegati huma stabbiliti skont ftehim kollettiv u jitħallsu b’mod ugwali irrispettivament min-nazzjonalità tal-impjegat. Il-kumpanija hija equal opportunities employer li timpjega aktar minn 1,300 impjegat min 38 pajjiż differnti. Il-kumpanija tiċħad kategorikament li hemm xi xufiera li ser jitħallsu anqas minn xufiera Maltin minħabba li ġejjin minn pajjiż ieħor. Il-kumpanija tinnota wkoll b’dispjaċir li l-onorevoli għamel rimarki bħal dawn, li huma kompletament kontra l-filosofija tal-kumpajina tagħna, fil-parlament, minflok ma għamel kuntatt mal-kumpanija sabiex jistabbilixxi l-fatti.