Għawdex Lokali

Żagħżugħ iweġġa’ wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar erba’ sulari fin-Nadur

Żagħżugħ Għawdxi kien salvat mill-Armata u l-Pulizija f’Għawdex wara li waqa’ mill-irdumijiet li hemm fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Kenuna fin-Nadur Għawdex.

Dan iż-żagħżugħ kien fil-kumpanija ta’ persuna oħra waqt li kien qiegħed jimxi biswit ix-xifer tal-irdum sal-punt li ttarraf għal isfel u waqa’ għoli mhux ħażin ‘l isfel fl-irdumijiet. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.30pm.

Minħabba li l-aċċessibbiltà tal-ambulanza hi xi ftit ristretta, fil-post issejjaħ tim paramediku li tella’ liż-żagħżugħ permezz ta’ ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta. Fil-post waslu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Iż-żagħżugħ ittieħed minnufih fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura minħabba l-ġrieħi serji li kien ġarrab.