– Maria Deguara, PN
Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara appellat lill-Gvern biex jiċċara l-intenzjonijiet veri tiegħu dwar l-introduzzjoni tal-liġi li biha l-kannabis tintuża għal skopijiet mediċinali.
Fil-parlament Maria Deguara qalet li kulħadd qabel li jkun ta’ ġid jekk persuni li verament għandhom bżonn il-kannabis bħala mediċina għandna nagħtuhom id-dritt li jkun jistgħu jakkwistawha b’mod legali, bi prezz raġonevoli u b’mod regolat. Qbilna ukoll li hemm bżonn niżguraw li l-forma tal-kannabis li se tiġi importata tkun tali u taħt forma li ma tistax tiġi abbużata. Dan awtomatikament qiegħed jelimina l-użu tal-pjanta mnixxfa jew fl-istat naturali milli tintuża bħala mediċina.
Hi kompliet li mhux jingħad li l-kannabis ma għandux l-ebda valur għal ċertu kundizzjonijiet minkejja li għad hemm dubbji f’dan ir-rigward. Qed inwissi biss li ma rridux inkunu ottimisti żżejjed. Però l-pazjenti li jħossu li dan il-prodott għamlilhom ġid, għandhom ikollhom dritt jakkwistawh taħt superviżjoni medika. Irid ikun ikkunsidrat li l-industrija farmaċewtika hi motivata esklussivament bil-qligħ finanzjarju li tista tagħmel qabel il-ġid tal-pazjent.
Maria Deguara qalet li l-Gvern għandu ħsieb li jiżgura li l-prezz ta’ dan il-prodott ikun tali li ma jpoġġiex piż żejjed fuq min verament għandu bżonn dan il-prodott. Il-prezz għandu jkun irħas meta il-prodott jiġi manifatturat lokalment.
Issa li qed issir proposta biex din il-forma ta’ kannabis tiġi prodotta lokalment ma jistax ma tqajjimx dubji serji dwar l-intenzjoni vera u oriġinali wara l-legalizzazzjoni tal-prodotti tal-kannabis għal skop purament mediku.
Artiklu miktub min Deepak Ananda jgħid: “It is great that your elected leaders have reached out to us in Canada for opinion and imputs on drafting a medical cannabis regime in Malta that works for patients and the industry at the same time”. Il-kumpanija Nuuvera diġà kixfet li kien hemm letter of intent biex tiftaħ joint venture f’pajjiżna qabel ma għaddiet il-liġi li tippermetti l-importazzjoni ta’ prodotti derivati mill-kannabis għal użu mediċinali.
Fil-fatt stqarret li se tkun waħda mil-ewwel kumpaniji li ser tapplika biex tipproduċi f’pajjiżna. Dan qabel ma għandna lanqas biss bdejna niddiskutu l-liġi li tippermetti li nipproduċu dawn il-prodotti lokalment. Jidher ċar allura li dan id-dibattitu huwa ħela ta’ ħin minħabba li d-deċiżjoni tidher li diġà ttieħdet żmien ilu.
Jidher ċar issa li l-intenzjoni wara l-liġi oriġinali kienet biss preludju għal dak li kien ippjanat minn ferm qabel. Jidher ċar ukoll li r-raġuni aħħarijja kienet sa mil-bidu nett li titwaqqaf industrija fejn dawn il-prodotti jiġu manifatturati lokalment. Fil-fatt skont kif ġie irrappurtat fil-media, ġew tiġa’ individwati laboratorji esistenti ġewwa pajjiżna li lesti jiċċertifikaw dawn il-prodotti taħt GMP.
Inqdejna bil-bżonnijiet tal-pazjienti u numru ta’ nies ġenwini biex niġġustifikaw il-presenza ta’din l-industrija li normalment ftit li xejn tirrikjedi impjegati biex taħdem. Jekk se tiġġenera flus bil-miljuni, dan qegħed tagħmlu għal gwadann tagħha biss.
Hi staqsiet: aħna bħala pajjiż x’ser niggwadanjaw? Kemm għandna pazjenti ġewwa Malta li verament għandhom bżonn il-kannabis bħala mediċina? Għaliex din l-għaġġla kollha biex ngħaddu din il-ligi u x’hin ħuma ir-ragunijiet u l-interessi veri wara din il-kumpanija? Forsi hemm xi affarijiet li din in-naħa tal-kamra mhix tifhem?
Tajjeb li l-gvern joffri inċentivi għall-industriji li jixtiequ jinvestu ġewwa pajjiżna. Tajjeb ukoll li niżguraw li nattiraw industriji li barra li jħallu qliegħ ġewwa Malta, jimpjegaw numru ta’ persuni fl-operat tagħhom. Il-prodotti tal-kannabis għal użu mediċinali mibjuha legalment ġewwa l-pajjiżi Europej jiġġeneraw, skont rapport riċenti tal-EMA, madwar €35.7 biljun fis-sena.
Hi staqsiet għaliex ma hawnx numru ta’ kumpaniji ġewwa l-Ewropa jissieltu biex jimmanifatturaw dawn il-prodotti, Jekk jeżisti dan il-qliegħ kollu għaliex hawn numru ta’ pajjiżi li għadhom ma jippermettux dawn l-industrji fi djarhom? Żgur li waħda mir-raġunijiet hi l-periklu li l-produzzjoni ta’ dan il-prodott iġib miegħu, ir-riskju tal- abbuż, kif ukoll il-bżonn tas-siġurtà stretta li hemm bżonn tul il-proċess kollu sa mil bidu nett minn meta l-kannabis jibda jkun imkabbar, ipproċessat u finalment lest għas-suq.
Kumpanija li ser tinvesti lokalment biex tkabbar il-materja prima f’pajjiżna żgur li taf diġà li ma għandniex lanqas biżżejjed art agrikola biex inkabbru dawk il-prodotti essenzjali għal għajxien tagħna bħal qamħ, il-patata, il-frott u ħxejjex oħra u li niddependu għal dawn fuq l-importazzjoni minn pajjiżi ġirien tagħna.
Għad fadal numru ta’ domandi li nixtiequ jiġu iċċarati qabel ma din in-naħa tal-Kamra tħossha konvinta dwar il-vera raġuni wara din il-legiżlazzjoni, jigifieri jekk kinietx ġenwinament għal ġid ta’ pazjienti li verament għandhom bżonnha jew jekk kinietx biss għal skop purament kummerċjali. Il-ministru għandu jispjega biex iserħillna moħħna qabel ma jitlobna nivvutaw favur din il-liġi, sostniet Maria Deguara.
//= $special ?>