Lokali

Il-Gvern wiegħed skola professjonali minn Barts f’Għawdex u tagħna biss ħofra

Il-Proġett ta’ Barts f’Għawdex għadu biss ħofra għaliex il-Gvern biegħ l-uniku sptar li hemm f’Għawdex lil Vitals, li m’għandha bla ebda esperjenza fil-qasam mediku. Il-Gvern għandu l-aħħar ċans li jieħu l-aħjar deċiżjoni u jerġa’ jagħti l-isptarijiet lura lill-poplu.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said qal li l-ftehim mal-Vitals qed jipperikola wkoll l-investiment tal-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex, għaliex dik li kellha tkun l-iskola li minnha jaħdmu Barts għadha biss ħofra. Qal li Vitals kulma għamlu kien li kissru l-garaxx tal-ambulanza u l-canteen biex issa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex m’għandux dawn il-faċilitajiet għall-pazjenti.

Chris Said enfasizza li lanqas mhu magħruf min huma s-sidien tal-Vitals u kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa lill-Ministru tal-Finanzi kemm il-darba fil-Parlament sabiex jgħid min huma l-vera sidien. Qal li sa’ Mejju li ġej kellu jkun hemm sptar modern f’Għawdex li jakkomoda 450 pazjent, iżda sal-lum m’hemm xejn.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Edukazzjoni u l-Affarijiet Soċjali f’Għawdex Frederick Azzopardi fakkar kif il-Gvern Laburista neħħa r-responsabbiltá tas-saħħa f’Għawdex minn idejn l-Għawdxin. Wara ddeċieda wkoll li l-uniku sptar tal-Għawdxin jagħtih lill-barranin, u dan fi ftehim li sal-lum għadu sigriet.

Frederick Azzopardi qal li l-Vitals lanqas esperjenza li jmexxu klinika żgħira ma kellhomx u wisq inqas li jmexxu sptar ġenerali. Saħaq li l-iskola medika ta’ Barts, li kellhom jibnu Vitals, kellu tkun lesta xhur ilu iżda fuq is-sit hemm biss ħofra. Enfasizza li l-Gvern għandu jerġa’ jieħu taħt idejh l-isptarijiet u jerġa’ jagħtihom lill-poplu Malti u Għawdxi.