Lokali

Il-MAM tagħmel proposta ġdida lill-Gvern – mistennija laqgħa oħra l-ġimgħa d-dieħla

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija għamlet proposta lill-Gvern bl-iskop li tiġi solvuta l-kwistjoni bejn iż-żewġ partijiet dwar il-bejgħ tal-isptarijiet lokali mingħand Vitals Global Healthcare għal għand Steward Healthcare.

Din il-kwistjoni fl-aħħar jiem eskalat tant li lbieraħ il-MAM ordnat numru ta’ direttivi kif ukoll strajk li kien deskritt bħala suċċess hekk kif imxew miegħu kważi l-t-tobba kollha affiljati magħha.

Il-proposta saret waqt laqgħa ta’ madwar siegħa u nofs li saret illum fil-Ministeru tas-Saħħa, bejn l-uffiċjali tal-MAM u l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Issa hi skedata laqgħa oħra kmieni l-ġimgħa d-dieħla, fejn il-Gvern se jagħti risposta għall-proposta mressqa lilu.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-MAM Martin Balzan iddikjara li l-Assoċjazzjoni qed tipprova tasal għal soluzzjoni, iżda se tibqa’ ssostni l-prinċipji tagħha. Sakemm il-Gvern jagħti r-risposta tiegħu, bi prudenza l-MAM mhux se toħroġ direttivi oħra.

Id-direttivi tal-aħħar jiem saru hekk kif il-MAM qed takkuża lill-Gvern li kiser il-ftehim kollettiv meta ma tkellimx magħha anzi lanqas biss infurmaha li kien se jsir bejgħ tal-isptarijiet lokali. Dan minbarra li l-MAM issostni li jkun aħjar għall-pazjenti u għal pajjiżna li l-isptarijiet jerġgħu lura għandi l-poplu.