L-MEP kien qabbel lil kollega tiegħu fil-Parlament Ewropew ma’ kollaboratur tan-Nażi
Il-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza kbira biex l-MEP Pollakk Ryszard Czarnecki jitneħħa minn Viċi President tal-Parlament Ewropew wara li fil-ġimgħat li għaddew, għadda kummenti gravi fuq MEP mill-istess pajjiż.
Kienu 477 MEP li llum waranofsinhar ivvutaw biex Czarnecki – Deputat mill-Grupp tal-Konservattivi – jitneħħa minn Viċi President tal-Parlament Ewropew, waqt li 196 vvutaw kontra din id-deċiżjoni. Czarnecki – li ġej mill-partit fil-Gvern tal-Polonja li bħalissa jinsab f’nofs kontroversja minħabba d-deċiżjonijiet li qed jieħu kontra s-saltna tad-dritt fil-pajjiż – kien qabbel lill-MEP tal-Partit Popolari Ewropew Roza Thun ma’ kollaboratur tan-Nażi, u meta kien mitlub biex jirtira din id-dikjarazzjoni, dan qal li dak li qal ma kienx żball, u għalhekk ma kienx se jirtiraha.
Bħalissa, l-Gvern Pollakk jinsab fi sfida mal-Kummissjoni Ewropea, wara d-deċiżjoni li din tuża Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea li jintuża kontra pajjiżi li ma jkunux qed jirrispettaw is-saltna tad-dritt. Dan wara riformi ġudizzjarji kontroversjali li għadu kif daħħal il-Gvern Pollakk.
Issa, l-Parlament Ewropew ikollu jeleġġi Viċi President ieħor minn fost l-MEPs membri tal-grupp tal-Konservattivi.
//= $special ?>