Il-plejer offensiv ta’ St. Andrews Kemar Reid ġie magħżul bħala l-BOV Plejer tax-Xahar għal Jannar 2018. Il-plejer ta’ 24 sena mill-Ġamajka stabbilixxa lilu nnifsu bħala għajnuna kbira fl-isforzi ta’ St Andrews biex iżommu posthom fil-Kampjonat BOV Premier.
Kemar Reid kien skorja l-gowl tad-draw fil-logħba li St. Andrews spiċċaw 1-1 kontra Ħamrun Spartans. Hu kien skorja fit-58 minuta meta b’azzjoni personali evita diversi difensuri ta’ Ħamrun Spartans b’ġirja djagonali fil-kaxxa, u b’xutt tajjeb għar-rokna kien għeleb lil Jake Galea. Fl-istess logħba, Reid kien rebaħ il-Plejer tal-Logħba.
Reid spikka wkoll fir-rebħa li St. Andrews kellhom kontra Floriana. Hu kien skorja l-penalty deċiżiv man-nofs siegħa logħba wara li Misael Miranda Gomez kien twaqqa’ fil-kaxxa ta’ Floriana. Erba’ minuti wara kien mar viċin li jirdoppja b’xutt li għadda ftit barra, u fis-70 minuta kellu xutt li kien salvat minn Ini Akpan.
Il-Maniġer tal-Fergħa tal-Bank of Valletta f’Tal-Ibraġ Norman Bonello, ippreżenta t-trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Jannar 2018 lil Reid li għażel lill ALS Malta Foundation biex jibbenefikaw mid-donazzjoni relatata ma’ dan l-unur.
//= $special ?>