Investiment ta’ iktar minn €1.75 miljun fi proġett li tħabbar mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi fl-2012, illum-il ġurnata jinsab moħli, fi stat ta’ abbandun u l-binja nbidlet fi store.
Dan hu ċ-ċentru tal-iżvilupp għat-tfal, li kien tħabbar fl-2012 u sar minn amministrazzjoni Nazzjonalista f’binja biswit l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
L-iskop ta’ dan il-proġett kien li t-tfal Għawdxin ikollhom klinika minfejn jingħataw gwida medika, terapija lil persuni b’diżabbiltà li taffettwalhom l-iżvilupp tat-tagħlim kif ukoll terapija okkupazzjonali u tal-kliem.
Iżda mindu l-Gvern biegħ l-unika sptar pubbliku f’Għawdex lil Vitals Global Healthcare, l-użu ta’ din il-binja nbidel għal wieħed ta’ kwartieri tal-uffiċjali tal-Vitals.
Saħansitra l-Gvern li qed jaħbi l-użu ta’ din il-binja, b’mistoqsijiet parlamentari mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said li fl-aħħar jiem baqgħu mhux imwieġba mill-membri tal-Gvern.
Net News żar din il-binja fejn minbarra wieħed jista’ jinnota faċilment li dawk li kellhom ikunu kliniċi għall-użu tat-tfal, minflok spiċċaw stores b’kaxex fuq kaxex u wajers imdendla mis-saqaf.
L-abbandun hu evidenti anke fuq il-faċċata tal-binja, b’affarijiet sempliċi ta’ manutenzjoni li huma abbandunati, fosthom biċċiet taż-żebgħa nieqsa.
Il-binja, tinsab fuq barra tal-isptar ġenerali, ironikament faċċata ta’ fejn suppost kellha ssir l-iskola medika ta’ Barts, li minflok għadha biss ħofra. U dan fejn qabel kien hemm garaxx għall-ambulanzi, li issa spiċċaw barra, u canteen biex issa l-isptar ġenerali t’Għawdex lanqas għandu minn fejn wieħed jista’ jitrejjaq.
Rapporti fl-aħħar ġimgħat jindikaw li d-diriġenti ta’ Bart’s qed jikkunsidraw jekk ikomplux b’dan il-proġett fost dewmien esaġerat li qed iħalli impatt anke fuq ir-reputazzjoni u l-operat tagħhom.



