Lokali

Seba’ persuni arrestati wara sejba ta’ droga u oġġetti relatati f’San Pawl il-Baħar

Seba’ persuni kienu arrestati wara sejba ta’ droga u oġġetti relatati mat-traffikar u t-teħid tad-droga, li saret f’residenza f’San Pawl il-Baħar.

Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tad-9.30pm, il-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra, kif ukoll Pulizija mir-Rapid Intervention Unit u mis-Sezzjoni tal-Klieb wettqu r-rejd fir-residenza, fi Triq il-Mazzola.

Hemm, huma sabu fost l-oħrajn, 20 gramma sustanza suspettata kokaina mqassma f’żewġ boroż u traċċi ta’ sustanza suspettata eroina, kif ukoll miżien elettroniku.

Dan wassal għall-arrest ta’ sid ir-residenza, ħamest irġiel oħra u mara, li l-età tagħhom tvarja bejn 33 u 55 sena.

Fil-post issejħet ukoll l-assistenza tal-Animal Welfare wara li fir-residenza nstabu wkoll xi klieb.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra għadhom għaddejjin, filwaqt li sid ir-residenza mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.