Lokali

Is-settur soċjali għandu jingħata prijorità

– Stephen Spiteri, PN

Il-pajjiż ma jistax iħares biss lejn l-użu tal-kannabis mediċinali għal skopijiet ekonomiċi u ta’ impjiegi iżda għandu jagħti prijorità lill-aspett soċjali u l-impatt tiegħu f’qasam delikat bħal dan.

Dan sostnih id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri fil-parlament meta tkellem fid-dibattitu dwar il-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali mill-kannabis.

Stephen Spiteri qal li l-prodotti mediċinali tal-kannabis m’humiex prodotti li jsolvu jew jikkuraw ħafna mill-mard iżda jintużaw biex jimmaniġġjaw ċertu sintomi u wġigħ li ma jkunx trattat b’suċċess minn mediċini oħra konvenzjonali. Hu sostna li għandu jsir studju dwar l-impatt ta’ dawn il-prodotti fuq s-soċjetà waqt li jkun assigurat li s-saħħa ta’ min juża’ dawn il-prodotti ma tkunx perikolata.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandu jkun assigurat li din l-industrija tal-produzzjoni tal-kannabis ma tfittix it-triq l-oħra tal-operaturi li jipproduċu u jesportaw il-kannabis għal skop rikreattiv. Dan għaliex din it-triq qabduha operaturi li nvestew f’pajjiżi oħra bħall-Kanada, li hi pijunieri f’dan il-qasam. Il-kumpaniji li nvestew fil-Kanada fil-fatt spiċċaw daħlu fil-qasam tal-użu tal-kannabis rikreattiva u nvestew bis-saħħa fih għaliex hemm iktar profitti.

Stephen Spiteri kompla li dan is-settur ġdid għandu jassigura xogħol ta’ kwalità waqt li għandu jkun ikkunsidrat l-aspett soċjali minħabba li l-użu tal-kannabis għal skop personali hu mifrux fil-pajjiż. Għandu jkun assigurat li min jipproduċi l-kannabis mediċinali f’Malta ma jesportahiex għal skop illegali barra minn Malta.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li f’diversi pajjiżi l-leġiżlazzjoni għad mhix b’saħħitha u għalhkek dak li se jseħħ f’Malta għandu jkun regolat u amministrat tajjeb. Għalhekk għadu jkun hemm protokol tal-użu ta’ dawn il-prodotti, sostna Stephen Spiteri.