Lokali

Is-sistema tal-punti penali ser tiġġenera problemi li jafu jissarrfu f’konsegwenzi serji – GRTU

Il-GRTU għal darb’oħra insistiet li għalkemm minn dejjem qablet mal-prinċipji wara s-sistema penali tal-punti kif ukoll li hija tal-istess fehma li aktar attenzjoni u sigurtà fit-toroq Maltin huma ta interess għal kummerċ. Madanakollu fi stqarrija esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-implimentazzjoni tas-sistema.

Huma saħqu li din is-sistema spiċċat billi kienet leġiżlazzjoni oħra li tpoġġi piż żejjed fuq is-sidien tal-kumpaniji u ħwienet, b’mod fl-opinjoni tagħhom inġust. Il-GRTU spjegat li sfortunatament din il-liġi magħmula b’mod mgħaġġel spiċċat iġġenerat aktar problemi li mistennija jikkawżaw konsegwenzi serji.

Il-GRTU sostniet li sa mill-bidu tas-sistema tal-punti penali kellha laqgħat mal-awtoritajiet u Ministeri ikkonċernati  sabiex jiġu diskussi kwistjonijeit varji li qed jiġu kkawżati lill-membri tagħha – madanakollu, xahrejn wara jidher li sar progress ftit li xejn. Fl-istqarrija ġie spjegat li l-awtoritajiet jidhru li l-kwistjoni m’humiex jeħduha bis-serjetà biżżejjed filwaqt li l-poplu qed jitlef il-liċenzji kawża ta’ kontravenzjonijiet li allegatament ma wettqux.

Ġie spjegat li dawk li għandhom numru konsiderevoli ta’ vetturi jew għandhom vetturi tal-kumpanija rreġistrati taħt isimhom qed jiġu kunsidrati bħala l-persuni responsabbli u għaldaqstant jitilfu l-liċenzja tas-sewqan kawża ta’ terzi persuni.

Il-GRTU saħqet li s-sidien qed jispiċċaw f’pożizzjoni li jridu juru li huma innoċenti u li ma wettqux il-kontravenzjonijiet huma. Dan ifisser li jridu jippreżentaw mijiet ta’ forom u ftehim sena b’sena – b’eżerċizji burokratiċi li jidhru infiniti filwaqt li jridu jikkonvinċu lit-terzi persuni jammettu li effettivament kienu huma li wettqu l-illegalità.

Biex tgħaxxaqha, issoktat tgħid il-GRTU, il-fatt li l-punti qed jitnaqsu mingħajr biss ma jitwaqqfu l-vetturi qed tmur kontra l-fibra tal-liġi nnifsiha hekk kif suppost is-sistema għandha tiġi implimentata fuq is-sewwieq u mhux sid il-karozza. Dan, kompla jingħad, ġie mwiegħed mill-ministri responsabbli – bl-eċċezzjoni tal-ispeed cameras.

Il-GRTU saħqet li sa mill-bidu insistiet li qabel ma tiġi introdotta din il-liġi kien hemm bżonn l-infrastruttura neċessarja sabiex il-ħaddiem u l-kummerċ ma jintlaqatx b’dan il-mod.

Għaldaqstant il-GRTU ħabbret li matul din il-ġimgħa ser tkun qed tiltaqa’ mat-TM u l-LESA bil-għan li jaslu fi qbil hekk kif hemm bżonn li l-awtoritajiet ikkonċernati jisimgħu u jieħdu azzjoni dwar din il-problema mill-aktar fis.