Internazzjonali

It-Tesla tiskorri l-pjaneta Mars

Il-karozza Tesla Roadster li tpoġġiet fl-ispazju bl-aktar rocket b’saħħtu li hawn fid-dinja, il-Falcon Heavy, issa jidher li skorriet l-orbita meħtieġa biex tmur lejn Mars u minflok sejra fid-direzzjoni ta’ faxxa ta’ asterojdi.


Fil-karozza li qed iddur fl-ispazju hemm pupazz liebes ta’ astronawta kif ukoll qed tindaqq il-mużika ta’ David Bowie.
Dan kollu hu xogħol il-biljunarju Amerikan Elon Musk, li hu kemm sid il-Falcon Heavy u l-IspaceX, kif ukoll tal-kumpanija Tesla.
Hi xi ħaġa komuni li waqt il-provi ta’ rocket titpoġġa tagħbija għall-piż. U Musk iddeċieda, bħal ma hi fin-natura tiegħu, li jkun ftit orġinali. Allura poġġa karozza minn tiegħu flimkien mal-pupazz, li tlaqqam Starman, wara l-kanzunetta ta’ Bowie.
Link mal-filmat li poġġa Musk tat-Tesla fl-ispazju
It-tluq seħħ it-Tlieta minn dik magħrufa bħala Pad 39A tal-Kennedy Space Center, fi Florida. Dan hu l-istess post minn fejn f’Lulju tal-1969 kienet telqet il-missjoni tal-ewwel inżul fuq il-qamar b’Neil Armstrong, Buzz Aldrin, u Michael Collins abbord.