Edukazzjoni Lokali

Assistent Kap ta’ skola attakkat fiżikament – u jingħata transfer

Uffiċjal tas-sigurta' inqabad ipejjep ġo skola, u meta l-Assistent Kap tal-iskola mar iċanfru - l-uffiċjal tas-sigurta' mbuttah u beda jgħajjat miegħu

Il-Union of Professional Educators Voice of the Workers ilha għal dawn l-aħħar ġimgħatejn issegwi każ fejn Assistent Kap ta’ skola ġie verbalment u fiżikament attakkat minn persuna impjegata bħala uffiċjal tas-sigurta’. Dan hekk kif minflok il-Ministeru tal-Edukazzjoni investiga lill-aggressur li imbutta u għajjar – ta transfer lill-istess Assistent Kap tal-iskola li ġie attakkat.

L-inċident seħħ meta l-uffiċjal tas-sigurta’ inqabad ipejjep fil-bini tal-iskola, filwaqt li ma kienx qed jaqdi dmirijietu fuq il-post tax-xogħol. Meta dan il-persuna ġie mċanfar verbalment biex ma jpejjipx fl-iskola, l-istess uffiċjal tas-sigurta’ beda jimbotta u jgħajjat mal-Assistent Kap tal-Iskola tal-Higher Secondary fin-Naxxar. Dak il-ħin stess, l-Assistent Kap informa dan il-każ lit-tmexxija tal-iskola.

Skont stqarrija tal-Union of Professional Educators Voice of the Workers, jidher li t-tmexxija tal-iskola ma investigatx lill-uffiċjal tas-sigurta’ li attakka lill-Assistent Kap tal-iskola – anzi, l-Assistent Kap tal-iskola tal-Higher Secondary fin-Naxxar ġie interrogat mill-uffiċjali tal-iskola ta’ fuqu u mill-kumpanija li tħaddem lill-uffiċjal tas-sigurta’. Matul din l-interrogazzjoni, min iħaddem lill-uffiċjal tas-sigurta’ u t-tmexxjia tal-iskola pruvaw jiġġustifikaw il-mod ta’ kif ġab ruħu u l-azzjonijiet abbużivi tal-uffiċjal tas-sigurta’ li nqabad ipejjep ġol-iskola.

Il-Union qalet fl-istess stqarrija, li mal-ewwel għamlet kuntatt mas-Segretarju Permanenti għall-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri, fejn talbet li ssir inkjesta kif sippost billi l-bord jiddetermina l-fatti u jieħu l-azzjonijiet neċessarji.

L-istqarrija tkompli, li għalkemm din it-talba saret fit-22 ta’ Jannar li għadda, s’issa l-Union għadha ma rċeviet l-ebda risposta dwar dan. Minflok sar magħruf li l-Assistent Kap tal-iskola, li ġie fiżikament u verbalment attakkat, ingħata transfer u nbidlet il-kariga tiegħu b’effett immedjat. Dan filwaqt li r-responsabiltajiet tiegħu tneħħew.

Il-UPE qalet li hi mistgħaġba b’dan il-każ, hekk kif hu evidenti li l-Ministeru minflok proteġa lil min ġie abbużat, għażel li jiddefendi lill-aggressur. L-istqarrija tal-Union tgħid li hu evidenti li l-Miniteru tal-Edukazzjoni ma jridx jagħmel investigazzjoni kif sippost biex tikkundanna l-azzjonijiet tal-uffiċjal tas-sigurta’.

L-istqarrija t-temm tistaqsi: Lil min qiegħed jiddefendi l-Ministeru? Għalfejn qed tibża ssejjaħ investigazzjoni kif sippost? Għalfejn l-allegat vittma ingħata transfer b’effett immedjat u għalfejn inbidel ix-xogħol tiegħu?

Il-UPE qalet li hi se tibqa’ ssemma’ leħinha sakemm issir ġustizzja, u mhijiex teskludi li tieħu aktar azzjonijiet fejn hemm bżonn.

 

Aktar tard

Fi stqarrija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni b’risposta għall-istqarrija tal-Union of Professional Educators, il-Ministeru qal li l-każ diġa’ ġie investigat mill-Kap tal-iskola u mill-Prinċipal, fejn azzjoni ittieħdet u ġie ikkomunikata. L-istqarrija tgħid li każijiet bħal dawn jiġu deċiżi fuq livell ta’ skola.

Il-Ministeru qal li l-Assistent Kap tal-iskola ma ngħatax transfer, u għadu jaħdem fil-Higher Secondary tan-Naxxar, fejn hu għad għandu r-responsabilitajiet assoċjati ma’ dak l-irwol. L-istqarrija tgħid li dan il-każ jaqa’ taħt ir-responsabbilita’ tal-Pulizija wara li sar rapport, ir-responsabilitajiet tiegħu ma jinkludux superviżjoni fuq l-uffiċjal tas-sigurta’.

L-istqarrija t-temm tgħid li min iħaddem lill-uffiċjal tas-sigurta’ wkoll qed jinvestiga l-każ, u jekk ikun hemm bżonn ta’ aktar azzjoni, l-iskolase tieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji.