Rapporti fil-midja Taljana qed jispekulaw li l-attakkant Mario Balotelli jista’ jikseb postu lura fit-tim nazzjonali Taljan, dan la darba t-tim se jkun qed jitmexxa minn kowċ ġdid.
Ftit jiem ilu Luigi Di Biagio, li hu kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, nħatar, b’mod temporanju, bħala kowċ tat-tim tal-kbar għaż-żewġ partiti ta’ ħbiberija li jmisshom l-Italja x-xahar li ġej kontra l-Arġentina u l-Ingilterra.
Jidher li wieħed mill-plejers li se jkun qed jagħmel ir-ritorn tiegħu mat-tim Taljan wara nuqqas ta’ erba’ snin se jkun l-attakkant ta’ Nice Balotelli.
Hu mifhum li Di Biagio se jsejjaħ anke plejers li jaf sew mit-tim nazzjonali tal-U21 fosthom Gigio Donnarumma, Daniele Rugani, Alessio Romagnoli, Roberto Gagliardini, Federico Bernardeschi, Davide Calabria, Manuel Locatelli u Patrick Cutrone.
L-Italja se tilgħab kontra l-Arġentina fit-23 ta’ Marzu fl-Etihad Stadium filwaqt li erbat ijiem wara f’Wembley tilgħab kontra l-Ingilterra.
//= $special ?>