Lokali Qorti

Barman akkużat li weġġa’ tliet Taljani b’nar ta’ cocktail

L-avukat ta' Hugo Chetcuti jgħid li dan kien "inċident sfortunat"

Każ stramb li seħħ fis-Sajf li għadda spiċċa b’barman jiffaċja akkużi l-Qorti. Dan wara li dan il-barman mill-Maċedonja, allegatament ikkaġuna offiża gravi fuq tliet Taljani waqt li kien qed jipprepara cocktail fl-istabbiliment Bacco ta’ Paceville.

L-allegati vittmi huma Giovanni Mario Sollazzo, Sofia Lorenzini u Nuria Fabrega Rubio. Il-barman, Lazar Zakez, għandu 21 sena.

L-avukat Arthur Azzopardi qed jidher għall-barman, filwaqt li l-avukat Joe Giglio qed jidher għall-propjetarju tal-istabbiliment Bacco, Hugo Chetcuti, Luke Chetcuti u Noel Falzon.

F’komunikat lill-media, l-avukat Joe Giglio insista li dan kien inċident sfortunat u li Hugo Chetcuti qed joffri s-support kollu tiegħu lill-persuni li sofrew xi danni. “Il-barman li għamel il-cocktail kien kwalifikat u kellu t-taħriġ neċessarju”, sostna Giglio.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.