Lokali Mużika

Christabelle maħtura ambaxxatriċi tal-President ta’ Malta għas-saħħa mentali

Il-kantanta rebbieħa tiltaqa' mal-President ta' Malta, fejn ġiet maħtura Ambaxxatriċi mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta'

Il-kantanta rebbieħa li se tirrapreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest Christabelle Borg, illum iltaqgħet mal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca flimkien ma’ membri tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’. Iżda minbarra li awguraw lil Christabelle għas-suċċess tagħha, huma ħatru lil Christabelle Borg bħala ambaxxatriċi għal din il-fondazzjoni għas-saħħa mentali.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li din l-għażla hi bbażata fuq il-messaġġ tal-istess kanzunetta rebbieħa ‘Taboo’, dan hekk kif appellat li grazzi għal dan il-messaġġ irridu negħlbu l-istigma dwar is-saħħa mentali li għandna f’pajjiżna. Il-President tenniet li hi kuntenta ħafna bil-messaġġ tal-kanzunetta rebbieħa, għaliex hi maħsuba biex tagħmel ħafna ġid, filwaqt li taf li Christabelle għandha l-kredenzjali kollha biex tgħin twassal il-messaġġ.

F’din il-laqgħa fil-Palazz tal-President f’San Anton, il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li hi flimkien mad-Direttur tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’ Dr Ruth Farrugia u l-kumplament tal-membri, huma kburin bi Christabelle għaliex jafu minfejn hi ġejja, u jafu x’valuri tħaddan.

Minn naħa tagħha, Christabelle qalet li hi onorata li ġiet maħtura bħala Ambaxxatriċi għal din il-fondazzjoni, sabiex tiġġieled kontra l-istigma li għandna f’Malta dwar is-saħħa mentali, hekk kif din iżżomm lura lil ħafna nies milli jsibu l-għajnuna. Fl-istess waqt, il-kantanta qalet li hi flimkien mat-tim kollu għandha ħafna x’tagħmel f’dawn it-tliet xhur li ġejjin – hekk kif diġa’ hemm skedati wkoll numru ta’ żjarat f’pajjiżi oħra biex tippromwovi l-kanzunetta ‘Taboo’.

Din il-ġimgħa stess, Christabelle se titla’ Lisbona fejn se ssir is-semi finali li fiha se tikkompeti fl-10 ta’ Mejju li ġej – u diġa’ għandha aktar żjarat konfermati barra minn Malta – fosthom Londra, Amsterdam u l-Israel.

Christabelle qalet li waqt li se tkun qed tkanta l-kanzunetta tagħha fis-semi finali fil-Portugall, se tilbes il-pin li ingħatat bħala Ambaxxatriċi għas-Saħħa Mentali flimkien ma’ domna.

Ritratti: Matthew Tabone