Lokali

Eżodu ta’ Pakistani biex jaħdmu mal-Malta Public Transport

Ritratt li juri uħud mill-Pakistani li ġew arrestati
Niżvelaw il-kontenut tal-formoli li qed ikunu mitluba jimlew biex jaħdmu ta' xufiera f'Malta

Il-kumpanija Pakistana Pakistan Testing Services (PTS) qed tagħmel kampanja kbira sabiex tattira xufiera lejn Malta biex jaħdmu fis-servizz tal-linja. Dawn ix-xufiera Pakistani qed jiġu offruti paga ta’ €6.31 fis-siegħa.

Kemm tiswik biex tiġi taħdem mill-Pakistan?

Il-PTS qed titlob €4,500 lil kull applikant. Dawn il-flus ikopru spejjes ta’ vjaġġar lejn Malta, testijiet mediċi u 15-il ġurnata kors fil-lingwa Ingliża.

Interessanti l-fatt li l-Pakistani qed jiġu offruti post f’Malta li jaqsmuh ma ħaddieħor. Ma hemm xejn speċifikat dwar kemm ikunu nies joqgħodu fid-dar jew l-appartament mikri.

Il-kirja hi ta’ €200 fix-xahar u titnaqqas direttament mill-paga.

Ix-xufiera Pakistani qed jintalbu jaħdmu 8 sigħat kulljum, f’ġimgħa ta’ 6 ijiem xogħol.

Is-sit lovin malta irrapporta kif numru ta’ Pakistani diġa’ ġew arrestati waqt li kienu qed jipprovaw iħallu pajjiżhom biex jaħdmu ta’ xufiera f’Malta.

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ, il-Malta Public Transport qalet li l-kumpanija hija equal opportunities employer li timpjega aktar minn 1,300 ħaddiem min 38 pajjiż differenti. Il-kumpanija ċaħdet li hemm xi xufiera li se jitħallsu anqas minn xufiera Maltin minħabba li ġejjin minn pajjiż ieħor.