Lokali

“Il-futbol hi l-mediċina tiegħi għad-dijabete” – Emma Ciantar Piccinino

Emma kellha ħames snin meta nstabet li qed issofri mid-dijabete iżda ma qatgħetx qalbha, użat il-futbol biex tikkontrolla l-livell taz-zokkor u saħansitra għamlitha għal man-nazzjonal.

Ftit tal-jiem ilu t-tim nazzjonali Malti tal-futbol ta’ taħt is-sittax-il sena kiseb tliet rebħiet minn tlieta f’turnament tal-UEFA, fosthom l-ikbar rebħa li qatt kiseb tim nazzjonali Malti tal-futbol – 14-0 kontra Ġibiltà.

Fost il-gowls, dak ta’ Emma Ciantar Piccinino li fl-istess turnew tat ukoll żewġ assists. Iżda l-istorja tagħha tmur ‘lil hinn mill-futbol u hi eżempju ta’ kuraġġ u determinazzjoni li qed iwassluha biex tilħaq orizzonti ġodda.

Meta kellha biss ħames snin Emma qabditha influwenza li wasslitha biex bdiet issofri minn dijabete tat-tip 1, li l-unika kura għaliha hi l-injezzjonijiet.

“Trid toqgħod attenta x’tiekol, l-insulina li tieħu meta tiekol. Trid toqgħod attenta jekk jinżillek jew jitlalek iz-zokkor, u jekk jinżillek tiekol xi ħaġa biex ma taqax mal-art,” tispjega Emma dwar l-isfidi tagħha ta’ kuljum.

Iżda minkejja dawn l-isfidi ta’ eta’ tant żgħira, Emma biddlet l-istil ta’ ħajjitha u saħansitra sabet fl-isport il-mediċina li tgħinha tikkontrolla d-dijabete.

“Bl-isport, iz-zokkor ikun dejjem stabbli, ma jitlax jew jinżel ħafna. Il-futbol, jekk ikun intensiv iwassal biex jitla’ l-livell taz-zokkor iżda wara jinżel. Il-futbol iżomm il-livell stabbli,” tispjega Emma lil Net News.

Tkompli kif “l-isport, minbarra li jgħinni fid-dijabete, jogħġobni speċjalment l-isport ta’ tijm għax tagħmel il-ħbieb ġodda u jkollok xi ħaġa ta’ suċċess.”

Ma kinitx xi ħaġa lanqas għal familtha, li llum-il ġurnata anke huma qed jieklu b’mod san biex ikomplu ma’ Emma, kif tispjega ommha Claire.

“Kienet xi ħaġa kbira ħafna għalina,” spjegagtilna Claire, “għaliex biex tieħu injezzjoni riedu jżommuha erba’ min-nies. Kont qed nimmaġina ħajti u ħajjitha kollha injections, bdejt nistaqsi din kif se tagħmel.“

Madankollu l-familja hi determinata li bl-istorja tagħhom ikunu ta’ wens u kuraġġ għal familji oħra. “Bl-eżerċizzju dejjem qed tnaqqas il-bżonn tal-insulina u qed tiekol ċertu affarijiet li kieku mingħajr l-isport ma tistax tikolhom. Ma naħsibx li xi ħadd għandu jaqta’ qalbu għax hemm ħafna għajnuna u ħafna rimedju,” tispjega omm Emma.

L-istorja ta’ Emma hi waħda ta’ kuraġġ lil tfal u żgħażagħ oħra bħalha, b’Emma twassal messaġġ ċar: “M’hemmx għalfejn taqta’ qalbek għaliex mhux se jaffettwak ħafna. Jaffettwak jekk tiħodha bis-serjetà u tibda tieħu għalik għal kollox. Imma l-futbol jgħinnek, bħal kull sport, jgħinnek. M’hemmx għalfejn taqta’ qalbek u tgħix ħajja normali.”