Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) se jkun qed jiltaqa’ llejla biex jirrevedi s-sitwazzjoni, filwaqt li jipprepara għal aktar reazzjonijiet f’każ li l-Gvern jibqa’ jippersisti kontra l-proposti tagħha.
Il-MAM qalet dan fi stqarrija, li min-naħa l-oħra, fiha nnutat b’sodisfazzjon li l-Prim Ministru rrikonoxxa d-dritt tal-membri tal-Assoċjazzjoni li jsegwu d-direttivi industrijali u għaldaqstant, jirrikonoxxi l-prudenza u r-responsabbiltà li bihom saru l-azzjonijiet industrijali.
Il-MAM irrikonoxxiet ukoll li Muscat iddisassoċja ruħu mill-kumment li għamel id-Deputat Laburista u Konsulent tal-Prim Ministru stess f’Kastilja, Glenn Bedingfield, meta pprova jħammeġ il-ħidma tat-Tobba fid-Dipartiment tal-Emerġenza, minkejja li dawn ma ntalbux jipparteċipaw fl-azzjonijiet industrijali biex jinħoloq l-anqas inkonvenjent possibbli għall-pazjenti.
Skont il-MAM, il-pożizzjoni tal-Prim Ministru issa hi aktar rikonċiljatorja, filwaqt li tittama li l-Gvern iqiegħed il-prinċipji qabel il-profitti meta jikkunsidra l-proposti li l-Assoċjazzjoni ressqet ilbieraħ.
Dan hekk kif il-MAM għadha qed tinsisti li tkun ikkonsultata fil-ftehim tal-bejgħ ta’ tliet Sptarijiet lokali minn Vitals għal Steward, skont kif jingħad fil-Ftehim Kollettiv bejn il-Gvern u l-MAM.
//= $special ?>