Hemm tħassib li l-al-Qaeda qed tipprova tissaħħaħ fit-Tuneżija. Dan wara li militant ewlieni Alġerin tal-grupp terro-ristiku nqatel mit-truppi Tuneżini. Dan wara li kien irnexxielu jidħol fil-pajjiż. Ix-xahar li għadda truppi Tuneżini qatlu lil Bilel Kobi, ajjutant ewlieni ta’ Abdelmalek Droukdel, magħruf aħjar bħala Abu Musab Abdul Wadud, li hu l-mexxej tal-al-Qaeda fit-Tra-muntana tal-Afrika (AQIM). Jidher li Kobi kien f’missjoni biex jgħaqqad l-eks-ġellieda tal-grupp fit-Tuneżija. Sorsi fi ħdan il-forzi tas-sigurtà Tuneżini qalu li issa huma kienu fuq l-allert għal aktar uffiċjali għolja tal-al-Qaeda li daħlu jew qed jippruvaw jidħlu fil-pajjiż. Sal-2013, l-AQIM kienet il-forza dominanti fit-Tramuntana tal-Afrika imma hekk kif feġġet l-ISIS, ħafna telqu l-al-Qaeda biex jissieħbu mal-ISIS partikolarment wara li l-grupp beda jirbaħ l-artijiet fl-Iraq, il-Libja u s-Sirja. Imma issa wara d-disfatti li sofiret l-ISIS, l-appell ta’ dan il-grupp militanti Iżlamiku majna sew u l-al-Qaeda qed tipprova tapprofitta partikolarment peress li ħafna ġel-lieda tal-ISIS mit-Tuneżija li kien hemm fl-Iraq u s-Sirja ġejjin lura pajjiżhom. Kobi ma kienx l-uniku każ li feġġ fit-Tuneżija; kien hemm ukoll Alġerin ieħor, Hamza al-Nimr, li ssieħeb fl-al-Qaeda fl-2003, imma li nqatel ma’ Kobi.
//= $special ?>AKTAR STEJJER
MORE ARTICLES


