Għall-Union tal-Għalliema, l-MUT, l-attakk li qed isir fuqha u fuq l-edukaturi ta’ pajjiżna mhux aċċettabbli. Iddikjara dan il-President tal-MUT Marco Bonnici waqt laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli u Justin Schembri, kandidat li hu wkoll edukatur.
Bonnici nnota kif l-MUT mhix titħalla teżerċita d-dritt tagħha li ssejjaħ azzjonijiet industrijali tant li meta sejħet strajk tal-letturi fl-MCAST spiċċat tittieħed il-Qorti b’mandat ta’ inibizzjoni. U fl-istess waqt li fi kliem Marco Bonnici tpoġġitilha sarima ma’ ħalqha mill-Gvern, dan issa qed jippretendi li jkomplu d-diskussjonijiet qabel jingħata ġudizzju mill-Qorti.
Min-naha tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonaliata Adrian Delia esprima preokkupazzjoni għas-sitwazzjoni li qed jaffaċċjaw l-edukaturi f’pajjiż0na. Fisser lill-MUT bħala union ewlenija f’pajjiżna għaliex tirrappreżenta l-preżent u l-futur tal-pajjiż grazzi għall-edukazzjoni.
Laqgħa li saret ukoll ftit jiem wara li Adrian Delia stess iltaqa’ mal-istudenti fl-MCAST, li nnota li huma wkoll qed jappoġġjaw it-talbiet tal-edukaturi tagħhom.
Sadattant fi żvilupp iktar tard fil-ġurnata, l-amministrazzjoni tal-MCAST ħabbret li lesta tirtira l-mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti bl-iskop li jkomplu d-diskussjonijiet bejn il-kulleġġ u l-MUT.
Il-laqgħat għandhom l-għan li jintlaħaq ftehim kollettiv hekk kif dak preċedenti skada fl-2016.



//= $special ?>


