Ir-rwol li għandha s-soċjetà ċivili hu kruċjali f’demokrazija. L-għaqdiet tas-soċjetà ċivili għandhom jitħallew jaħdmu fil-libertà. Aħna se nkunu hemm biex nassiguraw li d-drittijiet tagħhom ikunu garantiti.
Dan qaluh l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech li ndirizzaw is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu waqt dibattitu ddedikat għar-rwol tas-soċjetà ċivili.
Roberta Metsola, li hi l-Koordinatriċi tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew dwar din it-tema, qalet: “Is-soċjetà ċivili dejjem kienet protagonista fl-iżvilupp u t-tibdil li sar fl-Unjoni Ewropea. F’Malta għandna wkoll soċjetà ċivili ħajja – organizzazzjonijiet differenti qed jaħdmu favur il-protezzjoni tal-libertà tal-media, favur l-ambjent u l-għajta qawwija għall-ġustizzja fost l-oħrajn.”
Hi sostniet li hemm min jista’ jqishom bħala xkiel għall-politiċi, imma r-raġuni għaliex is-soċjetà civili teżisti hi propju biex tixpruna u tniggeż lill-politiċi. “Soċjetà civili b’saħħitha hi bżonnjuża u essenzjali. Mingħajrhom id-demokrazija tkun ifqar. Huma essenzjali biex min hu fil-poter jagħti kont ta’ għemilu, jgħid il-verità u jimxi bi standards mill-aktar għolja,” qalet Roberta Metsola.
Hi temmet: “Ma nistgħux inkunu siekta meta naraw li l-aċċess għal fondi għal ċertu organizazzjonijiet qiegħed jiġi fgat imbagħad jingħata lil oħrajn li jappoġġjaw lill-Gvern. Ma nistgħux nibqgħu fil-muta quddiem it-theddid b’azzjonijiet legali, b’intimidazzjoni, bi vjolenza, b’burokrazija biex jaqtghulhom qalbhom jew inkella b’liġijiet li jimminaw il-ħidma tagħhom.”
Minn naħa tiegħu, Francis Zammit Dimech, li s-sena li għaddiet mexxa smigħ pubbliku tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew dwar mudelli differenti tas-soċjetà ċivili, qal: “Mhux aċċettabli li f’ċertu stati membri, fosthom f’Malta, l-appelli tas-soċjetà civili, pereżempu dawk dwar governanza tajba, jiġu injorati; li domandi li jqajmu jiġu injorati u f’waqtiet membri tal-istess soċjetà civili jiġu skreditati b’mod sistematiku, inkluż mill-politiċi permezz ta’ tattiċi u kampanji qarrieqa. Is-soċjetà ċivili għandha jkollha kull dritt ta’ opinjoni, dritt li tesprimi ruġha u tipparteċipa, dritt li tkun infurmata b’dak li qed jiġri fil-pajjiż kif ukoll il-libertà li tassoċċja ruħha u li tieħu pożizzjoni fuq temi politiċi varji. Id-drittijiet fundamentali tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu mħarsa.”
Francis Zammit Dimech qal li huwa kruċjali li għaqdiet li jiffurmaw parti mis-soċjetà ċivili jingħataw fondi biex ikunu attivi fuq livell nazzjonali u Ewropew. Irridu wkoll naraw li l-Unjoni Ewropea tassisti fil-finanzjament ta’ proġetti żgħar mingħajr ħafna burokrazija biex tassew ngħinu lil dawn l-għaqdiet jaqdu rwol attiv fit-tfassil tal-politika nazzjonali u Ewropea.
Zammit Dimech irringrazzja lis-soċjetà ċivili f’Malta u l-Ewropea għad-determinazzjoni tagħhom. Hu faħħar il-ħidma tan-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili f’Malta, u rringrazzjahom għar-rispons qabel id-dibattitu.
//= $special ?>