Lokali Parlament

Proposta biex triq f’Ħal Safi tissemma għal Pietru Pawl Busuttil….oppożizzjoni mill-PL

– Hermann Schiavone, PN

Id-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone appella biex il-kunsilliera Laburisti fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi biex jaċċettaw u ma jibqgħux jopponu l-proposta tal-kunsilliera Nazzjonalisti biex Triq il-Kuċċard tissemma’ għal Pietru Pawl Busuttil

Fl-Aġġorament tal-parlament Hermann Schiavone qal li fit-28 ta’ Ġunju li għadda f’Ħal Safi miet Pietru Pawl Busuttil; raġel tal-familja li f’Diċembru 1986 jumejn wara l-qitl ta’ Raymond Carauna kien vittma ta’ frame-up. Hu kien sindku ta’ Ħal Safi għal 18-il sena u kien għamel il-perjodu kollu minn kemm ilhom imwaqqfa l-kunsilli lokali bħala kunsillier jew Sindku.

Tul dan il-perjodu Ħal Safi ittrasforma ruħu f’raħal mill-isbaħ u nadif b’toroq mill-aqwa. Pietru Pawl kien il-persuna li biddel dan ir-raħal u kien maħbub mill-komunità kolha ta’ Ħal Safi.

Kont inqis lil Pietru Pawl Busuttil bħala l-missier politiku tiegħi, sostna Hermann Schiavone.

Pietru Pawl Busuttil kien politiku lokali, kien ikun dejjem elett b’vot qawwi fil-kunsill lokali u kellu rispett ta’ kulħadd. Il-Maltin iħobbu jonoraw lill-politiċi wara mewthom b’ismijiet ta’ toroq u ġonna u galhekk hu ġust li Pietru Pawl Busuttil ikollu triq imsemmija għalih.

Ftit ilu l-kunsilliera lokali tal-PN fil-kunsill lokal ta’ Ħal Safi pproponew li Triq il-Kuċċard f’Ħal Safi tissemma’ għal Pietru Pawl Busuttil. Il-kunsilliera lokali Laburisti oġġezzjonaw għal dan minkejja li r-residenti tat-triq jridu li titwettaq din il-proposta. Il-kunsilliera Laburisti qablu biss li jekk ikun hemm triq ġdida, din tissemma’ għal Pietru Pawl Busuttil.

Hermann Schiavone qal li hu ta’ għafsa ta’ qalb li jseħħu dawn il-każi u appella biex jirbaħ is-sens komun anki għax Pietru Pawl Busuttil tant ġab ruħu tajjeb mal-familja tiegħu u mal-komunità ta’ Ħal Safi. Id-deputat Nazzjonalista ppropona wkoll li jsir fond biex isir bust għal Pietru Pawl Busuttil.