F’dawn iż-żminijiet tal-Karnival, l-attivitajiet mhux biss jissoktaw fil-Belt Valletta u l-Floriana – iżda numru ta’ lokalitajiet jorganizzaw sfilati b’karrijiet żgħar, maskri, żfin bil-kostumi, u numru ta’ sorpriżi oħra fil-pjazzez u toroq prinċipali.
Fi żmien, kienu ftit dawk l-irħula li jorganizzaw karnivali fuq skala lokali – iżda aktar ma jgħaddi żmien aktar qed tikber il-popolarita’ u tikber din il-kultura fuq skala lokali. Numru kbir ta’ għaqdiet u Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex se jorganizzaw sfilati fil-qalba tal-ibliet u l-irħula sabiex jgħaqqdu lir-residenti taż-żona f’dawn iż-żminijiet tal-Karnival, filwaqt li jeżebixxu u jżommu ħajja l-kultura tal-Karnival f’pajjiżna. Fost dawn il-lokalitajiet insibu l-Karnivali f’Santa Venera, f’Birżebbuġa, u f’Ta’ Xbiex. Dan tal-aħħar se jidħol fir-raba’ edizzjoni tiegħu
Karnival fuq skala lokali li ilu jiġu organizzat snin twal, fejn saħansitra sar parti mit-tradizzjoni lokali, hu dak ta’ Ħal Għaxaq. Dan il-Karnival hu magħruf għall-makabrita’, misteru, u spontanjeta’ – kif jixhdu ritratti mtella’ fuq il-paġna tal-Facebook tal-istess attivita’:
Fil-gżira Għawdxija, l-aktar Karnival renomat hu dak tan-Nadur – fejn ta’ kull sena mhux biss Għawdxin, iżda numru kbir ta’ Maltin jitilgħu għall-brijju tal-pjazza. Il-Ħadd li għadda, 4 ta’ Frar, il-Karnival tan-Nadur fetaħ is-siparju għall-Karnival ta’ Ghawdex b’nofs ta’ nhar mimli kuluri fil-Pjazza tar-raħal. Bejn nofsinhar u is-6pm, inżamm il-Karnival Organizzat tan-Nadur, li issa huwa tant popolari, u li din is-sena ra eluf ta’ nies jattendu biex igawdu dan l-ispettaklu. Wieħed seta’ faċilment jammira taħlita mill-isbaħ tal-karnival organizzat, u anke dak spontanju li jaf joffri in-Nadur. Għal dan il-Karnival attendew ukoll il-Ministru għal Għawdex u l-Ewro Parlamentari Francis Zammit Dimech. Il-Karnival tan-Nadur ikompli b’dak Spontanju, bejn id-9 u 13 ta’ Frar, wara nżul ix-xemx.
Ara r-ritratti meħuda waqt il-Karnival tan-Nadur tas-sena l-oħra:
//= $special ?>