F’dawn iż-żminijiet, eluf ta’ nies ikunu għaddejjin bi ħġarhom għall-aħħar preparamenti għall-festi tal-Karnival. Ilbieraħ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia flimkien mal-mara tiegħu Nickie Vella de Fremeaux żaru l-imħażen tal-Karnival – fejn iltaqgħu ma’ numru kbir ta’ dilettanti involuti fid-diversi setturi li jorganizzaw din il-festa ta’ brijju ta’ kull sena.
Dan waqt li kienu qegħdin iduru l-imħażen fejn kienu għaddejjin l-aħħar xogħolijiet fuq il-karrijiet, il-provi taż-żfin bil-mużika, u l-aħħar irtokki tal-kostumi kkuluriti.
F’kumment ma’ NET News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li waqt din iż-żjara ħarġet il-passjoni Maltija għall-festi tal-Karnival, fejn eluf ta’ nies jiddedikaw il-ħin tagħhom biex iżommu l-kultura Maltija ħajja b’mod volontarju mingħajr ħlas. Semma’ kif hu grazzi għal dawn in-nies iddedikati li joffru l-ħin u l-passjoni tagħhom biex nies oħra jgawdu mill-ispettaklu f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
F’dawn l-aħħar snin, il-pubbliku jkun bi ħġaru qed jistenna l-karru politiku li se jkun qed idur fit-toroq tal-Belt Valletta u l-Floriana. It-tema magħżula għal din is-sena hi dik dwar in-nisa fil-politika, fejn waħda mill-personaġġi hi l-mara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Nickie Vella de Fremeaux. Filfatt, waqt iż-żjara tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Nickie Vella de Fremeaux ħadet l-opportunita’ li żżur dan il-karru u ffirmat fl-emblema tal-Partit Nazzjonalista. Il-karrijiet b’tema politika kienu ġew iċċensurati mill-Ingliżi fl-1936, fejn kien biss fl-2012 li tneħħiet din iċ-ċensura.
Ara r-ritratti tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, flimkien mal-mara tiegħu Nickie Vella de Fremeaux, jżuru l-imħażen tal-karrijiet tal-Karnival:
Ritratti: Joseph Galea u Rene Rossignaud
//= $special ?>