L-uffiċjali Indjani qed jinvestigaw rapporti li tabib falz fl-Istat Indjan ta’ Uttar Pradesh infetta tal-anqas 33 persuna bil-virus tal-HIV, li jista’ jwassal għall-AIDS. Dan permess ta’ siringa infettata li huwa kien juża.
Jidher li dan l-individwu kien juża siringa waħda għal persuni differenti. Il-każ seħħ fid-distrett ta’ Unnao. Mhux magħruf kemm-il każ ta’ HIV kien dovut għall-użu tal-istess siringa.
It-33 persuna infettati bl-HIV kienu fost 566 persuna li ħadu sehem fi screening organizzat mill-Gvern għal dan il-virus u li ma kellux x’jaqsam mal-każ tat-tabib falz. Kien biss wara, meta l-pazjenti ngħataw ir-riżultat u kienu mistoqsija mit-tobba tal-Gvern jekk jafux is-sors, li ħareġ li dawn kollha kienu pazjenti tat-tabib falz.
Il-każ qed ikun investigat ukoll mill-Pulizija u qed issir tfittxija għat-tabib falz, li hu mifhum li issa ħarab. Fl-Indja hemm problema b’nies li jagħmluha ta’ tobba hekk kif hemm nuqqas kbir ta’ tobba uffiċjali. Skont l-Assoċjazzjoni Medika Indjana, 45 fil-mija ta’ dawk li jaħdmu bħala tobba m’għandhom ebda taħriġ formali.
//= $special ?>

