L-Oppożizzjoni qed tagħmel talba ġenwina lill-Gvern biex l-art taż-Żonqor tingħata lura lill-Maltin. Din il-mozzjoni mhijiex issir biex nirbħu xi punti politiċi imma biex illejla nħarsu f’għajnejn uliedna u ngħidulhom li ġibna l-art tagħna lura.
Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta nhar il-Ħamis filgħaxija fil-Parlament kieent qed tiġi diskussa l-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni biex l-art fiż-Żonqor tingħata lura lill-Maltin.
Adrian Delia fakkar li minkejja li Sadeen qalu li ġejjin 4,000 student, ġew biss ħmistax-il student.
“Għal dawn il-ħmistax-il student huwa għaqli li nitilfu 90,000 metru kwadru li nbiegħu b’4 ewro u 88 ċenteżmu kull metru kwadru?” staqsa Adrian Delia.
Adrian Delia qal li t-tqabbil li sar bejn dik li qed tissejjaħ bħala l-Università Amerikana u l-Università ta’ Malta ma huwa xejn għajr insult għall-Università ta’ Malta.
Huwa qal li din il-kumpanija hija biss velu ieħor biex hekk kif il-proġett ifalli dan jinbidel fi proġett ta’ spekulazzjoni ta’ art biex binjiet bil-veduta tal-baħar jinbiegħu bħala appartmenti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni silet tixbiha bejn dak li qed jiġri fil-qasam tas-saħħa u fil-qasam tal-edukazzjoni. Fis-saħħa l-Gvern qal li jrid jinvesti f’dan il-qasam u minflok ġab nies li ma jifhmu xejn fis-saħħa. Bl-istess mod il-Gvern qal li jrid jinvesti fl-edukazzjoni u minflok ġab biss spekulaturi tal-art li mhumiex midħla tal-edukazzjoni.
Matul id-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera ukoll għall-kwistjoni li għaddejja bħalissa fl-MCAST u fakkar li l-Gvern ħa lill-MUT il-Qorti f’mossa li tista’ tinftiehem biss bħala sarima ma’ ħalq l-union biex ma titkellimx għad-drittijiet tal-għalliema.
Ara d-diskors kollu tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fil-Parlament:
//= $special ?>