Xokkanti imma veru… il-Ministru Chris Fearne fil-jiem li għaddew ordna biex tintbagħat ambulanza fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid fejn kien hemm mara li marret ħalli tingħata kura għal uġigħ li kellha fi griżmejha.
Jirriżulta li din il-mara kienet talbet biex tittieħed fl-Isptar Mater Dei għall kura, iżda l-ambulanza jintbagħtu f’ordni ta’ prijorità u l-ewwel li jinħelsu huma dawk il-każijiet imsejħa b’mod urġenti mid-djar. Aktar u aktar f’dan il-każ xejn urġenti meta l-istess mara kienet fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid.
Jirriżulta li din il-mara fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid bdiet tgħid li hi ta’ Chris Fearne u għalhekk kellha tingħata trattament immedjat u urġenti. Għalhekk f’mument minnhom hi ċemplet direttament lill-istess Chris Fearne u kollox jindika li kien il-Ministru tas-Saħħa Fearne li ċempel lill-Control Room tal-Ambulanzi u ordna biex tintbagħat ambulanza għal din il-mara li kienet qed tistenna fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid.
Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li fl-ambulanza l-mara kompliet tinsisti li hi tal-Ministru Fearne u għalhekk kellha tinxtegħel is-sirena biex tfittex tittieħed fl-Isptar Mater Dei. Dan għalkemm kien evidenti għal darba oħra li l-każ ma kienx ta’ xi urġenza partikulari.
Fil-fatt meta din il-mara ftit qabel kienet mitkellma miċ-Chairman tal-Emerġenza waqt li kienet għadha qed tistenna fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, u l-mara nstemgħet vivaċi, l-istess Chairman ġibed l-attenzjoni li l-mara ma tantx kienet tidher fi stat ta’ bżonn urġenti ta’ saħħa mill-Isptar Mater Dei.
Meta waslet fl-Emerġenza l-mara kompliet bit-teatrini tagħha li tinsisti li taqbeż lil kulmin kien fil-kju għaliex hi tal-Ministru Fearne.
Nifhmu li dawk kollha li kienu fid-Dipartiment tal-Emerġenza f’dak il-ħin baqgħu skandalizzati bl-imġiba fqira ta’ din il-mara u kif bdiet iżżeffen fin-nofs lill-Ministru Chris Fearne.
Oħrajn li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li kienet xena tassew redikola dik tal-Ministru Fearne jċempel lill-Control Room tal-Ambulanzi biex din il-mara tintbagħatilha ambulanza meta l-istess Ministeru tas-Saħħa jappella l-ħin kollu biex ħadd ma jabbuża mis-servizzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei.
Kuntrarju għall-appelli li jagħmel il-Ministeru u d-Dipartiment tas-Saħħa f’dan ir-rigward, din id-darba kien direttament il-Ministru Fearne li għal skopijiet ulterjuri qabeż drastikament il-linja tal-etika.
Tajjeb li jingħad li fid-Dipartiment tal-Emerġenza tpoġġew numru ta’ nies leali lejn il-Ministru Fearne, anki jekk dawn ma għandhom l-ebda kwalifika biex jokkupaw ċerti postijiet, fosthom tmexxijiet ta’ servizzi mill-aktar kruċjali u sensittivi.
Nifhmu wkoll li fid-dawl ta’ dan il-każ partikulari, min imexxi l-Control Room tal-Ambulanza wiegħed lil sħabu li l-każ ma kienx se jintemm hemmhekk u kien se jikteb lill-Ministru Fearne biex jitolbu direzzjoni dwar kif għandhom jintbagħtu l-ambulanzi… jekk hux skont il-prijoritajiet u l-urġenza tal-każ jew inkella hux se jkun l-uċuh u lil min jappartjenu dawn l-uċuh.
Fi dritt għar-risposta, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ċaħad li b’xi mod intervjena biex tintbagħat ambulanza lill-pazjent. Qal li d-deployment tal-ambulanzi fl-isptar Mater Dei dejjem isir skont policies stabiliti li jagħtu prijorita medika skont l-mertu tal-każ.
//= $special ?>