Lokali

Dejjem innegozjajna fl-aħjar mod biex niksbu l-akbar ammont ta’ fondi Ewropej għal Malta – PN

Ħames snin ilu, wara negozjati twal u diffiċli ferm, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, irnexxilu jġib għal Malta €1,128 miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-fondi ssarrfu fi proġetti infrastrutturali kbar li minnhom gawdew il-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokalim Komunitajiet u Fondi Ewropej Robert Cutajar u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Ewropej u l-Brexit David Stellini sostnew li kiku kien għal Joseph Muscat dawn il-fondi Ewropej ma konniex niksbuhom, għaliex kien kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista qal li bis-saħħa ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, il-fondi Ewropej ssarfu f’firxa wiesa’ ta’ proġetti, mill-bini tal-isptar tal-Onkoloġija, it-terminal taċ-Ċirkewwa, numru ta’ toroq ewlieni bħal Triq il-Kosta u Triq il-Kunsill tal-Ewropa sar-restawr taċ-Ċittadella f’Għawdex. Fondi li minnhom għadu qed jaħsad il-Gvern Laburista.

Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern Laburista jrid jibda n-negozjati mal-Unjoni Ewropea għal aktar fondi ġodda. Muscat qisu diġa’ beda bl-iskużi meta fil-midja ġie rrappurtat li se jżomm l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti għallijistajkun ma jirnexxilux jakkwista fondi mill-Unjoni Ewropea. Il-Partit Nazzjonalista jittama li Muscat jistinka biex iġib fondi Ewropej daqs kemm stinka biex ibigħ il-passaporti u l-artijiet pubbliċi tagħna.