Futbol Sport

FUTBOL TAN-NISA – Malta tegħleb lill-Estonja 4-1

MALTA……………………… 4
ESTONJA …………………. 1

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa patta għat-telfa minima kontra l-Estonja ta’ nhar it-Tnejn li għadda b’rebħa konvinċenti ta’ 4-1 kontra l-istess avversarji lbieraħ.

Malta kienet aċċertat mir-rebħa fl-ewwel taqsima meta t-fajliet Maltin immexxija minn Mark Gatt skorjaw l-erba’ gowls tagħhom. Malta marret minn fuq fit-18-il minuta grazzi għal xutt mill-bogħod ta’ Shona Zammit.

Minkejja l-aċċenn ta’ reazzjoni minn naħa tal-Estonja, l-Maltin żammew il-kontroll tal-logħba u resqu viċin it-tieni gowl b’xutt ta’ Brenda Borg li kien salvat b’diffikulta mill-goalkeeper Getter Laar. Fil-31 minuta l-Maltin irduppjaw meta minn azzjoni ta’ korner kienet Jade Flask li skorjat b’daqqa ta’ ras.

Malta kompliet tattakka b’xutt ta’ Farrugia jmur ftit għoli biex fl-aħħar minuti tat-taqsima l-Maltin skorjaw darbtejn oħra biex prattikament għalqu l-logħba.

Fit-38 minuta Shona Zammit ħasdet lill-goalkeeper tal-Estonja b’xutt minn tarf il-kaxxa biex skorjat it-tieni gowl personali tagħha. Eżatt qabel intemmet l-ewwel taqsima l-Għawdxija Maria Farrugia approfittat minn żball tal-goalkeeper avversarju biex għamlet l-iskor 4-0.

Fit-tieni taqsima l-Maltin naqqsu r-ritmu u kkontrollaw il-logħba bit-tim tal-Estonja jiskorja gowl ta’ konsolazzjoni fit-62 minuta permezz ta’ Ulrika Tulp wara nuqqas ta’ ftehim fid-difiża Maltija.

Malta: Janice Xuereb, Gabriella Zahra, Nicole Sciberras (Charlene Cassia 80’), Brenda Borg (Stephania Farrugia 46’), Maria Farrugia (Andy Zammit Mizzi 89’), Shona Zammit, Jade Flask (Mandy Debono 53’), Charlene Zammit, Emma Xuereb, Alishia Sultana, Martina Borg (Raina Giusti 63’).

Estonja: Getter Laar (Getrin Stigin 46’), Kairi Himanen, Kethy Ounpuu © (Liivi Sormus 46’) (Gerli Israel 81’) (Silja Gorosko 84’), Ketlin Saar, Berle Brant, Siret Raamet, Katrin Loo, Eneli Kutter (Ariina Murkhain 75’), Kristina Bannikova, Lisette Tammik, Kelly Rosen (Ulrika Tulp 46’)
Referee: Tania Fernandes Morais (Lussemburgu)