Kultura Lokali

Il-Karnival imħassar għal-lum minħabba x-xita; il-programm pospost għal għada

Ritratt: Joseph Galea

L-attivitajiet tal-Karnival għal-lum tħassru minħabba x-xita.

Fi stqarrija ġie kkonfermat uffiċjalment li L-attivitajiet tal-Karnival tal-lejla kellhom jitħassru minħabba l-maltemp li laqat il-Gżejjer Maltin u l-karrijiet tal-Karnival se jinħarġu għada s-Sibt filgħodu minn taħt it-tinda li ntramat apposta għalihom il-Marsa.

Matul il-lejl li għadda l-organizzaturi tal-Karnival ta’ Festivals Malta flimkien mal-parteċipanti tal-Karnival ħadu ħsieb li jieħdu l-karrijiet għall-kenn taħt din it-tinda biex jiġu protetti mix-xita u r-riħ.

Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Pulizija u Transport Malta biex għada s-Sibt, kif it-temp jippermetti il-karrijiet jibdew jimxu mill-Marsa lejn il-Belt.

Il-programm għal għada mistenni jkun hekk:

Pjazza San Ġorġ sa Triq ir-Repubblika
9.30am – 11.30am
Il-Karnival tat-Tfal fi Pjazza San Ġorġ bil-parteċipazzjoni ta’ żfin minn skejjel privati taż-żfin, Kumpaniji Ċ u sfilata żgħira bil-parteċipazzjoni tar-Re tal-Karnival, maskeruni iżolati. L-attività tispiċċa għall-ħabta tal-11.30am fi Pjazza San Ġorġ. Titkompla sfilata tul Triq ir-Repubblika.

Pjazza San Ġwann
5pm, 6pm, 7pm
Il-Qarċilla bi produzzjoni teatrali mtella’ minn Teatru Malta. ‘L-Għarusa Karfusa’ hija t-tipika ħrafa klassika ta’ mħabba pprojbita, però bejn frotta u ħaxixa.

Pjazza San Ġorġ
5pm ’il quddiem
Programm fi Pjazza San Ġorġ bil-parteċipazzjoni tal-kumpaniji taż-żfin sezzjonijiet A, B u D, Karrijiet Trijonfali A, B u Ċ. L-attività tispiċċa wara d-9pm. Titkompla sfilata tul Triq ir-Repubblika.

Pjazza Tritoni
8pm sat-tard
Ballu Tritoni 18 se jseħħ madwar il-Funtana tat-Tritoni qabel id-daħla tal-Belt Valletta. Il-kumpaniji tal-Karnival kollha kif ukoll il-pubbliku ġenerali hu mistieden jieħu sehem. Il-ballu, li se jibqa’ għaddej sa tard billejl, se jkollu l-parteċipazzjoni ta’ DJs lokali kif ukoll spettaklu mill-Big Band Brothers.