Internazzjonali

Jaħdmu 3,300 siegħa overtime għal kollega bit-tifel marid

Andreas Graff ma' ibnu

Il-ħaddiema ma’ kumpanija Ġermaniża għamlu donazzjoni kollettiva ta’ kważi 3,300 siegħa f’overtime biex wieħed mill-kollegi tagħhom ikun jista’ jieħu ħsieb it-tifel ċkejken tiegħu li hu marid bil-leukaemia.
Il-missier – Andreas Graff, li qed irabbi lil ibnu waħdu – kellu jieħu l-leave għal kważi sena minn xogħlu mal-kumpanija Seidel fil-belt ta’ Hesse u li għandha wkoll kumpanija sussidjarja fil-komunità ta’ Fronhausen.
Intant, wara li ibnu Julius, li għad għandu erba’snin, instab marid bit-tip ta’ kanċer li jaffettwa d-demm, ’il fuq minn 700 kollega wieġbu għall-appell ta’ Manager mal-kumpanija biex jgħinu fiċ-ċirkustanzi speċjali, bir-reazzjoni tkun waħda ‘fenomenali’.
Andreas Graff, intant, esprima l-gratitudni kbira tiegħu lill-kollegi waqt intervista lill-gazzetta lokali u sostna li ‘kieku ma kienx għal sħabu, hu kien se jispiċċa bla xogħol’.
Wara li Graff sar jaf, f’Jannar tal-2017, li Julius kien marid bil-leukaemia, hu mal-ewwel kien ħa l-leave kollu għad-dispożizzjoni tiegħu, iżda ma kienx jaf kif kellu jħejji għal futur ibbażat fuq is-sigħat twal fl-isptar. Dan fost inkwiet li hu kellu jispiċċa bla impjieg ladarba jispiċċalu l-leave mingħajr ħlas iżda l-Manager għar-Riżorsi Umani tal-kumpanija salvat is-sitwazzjoni b’sejħa biex il-kollegi ta’ Graff jikkontribwixxu għal ‘fond tal-overtime’ – bil-ħaddiema, inklużi nies ġodda li qed jitħarrġu mal-kumpanija, iwieġbu bi ħġarhom, tant, li nġabru total ta’ 3,264 siegħa fi żmien ġimagħtejn.