Futbol Sport

Juventus momentarjament fil-quċċata tas-Serie A b’rebħa kontra Fiorentina

Federico Bernardeschi (it-tieni mix-xellug) jifraħ ma' sħabu wara li fetaħ l-iskor (Ritratt: EPA)

Iċ-champions Juventus telgħu momentarjament fil-quċċata tas-Serie A wara li fi Stadio Artemio Franchi għelbu lil Fiorentina 2-0. Logħba b’missielta, b’Fiorentina li dehru li setgħu marru fil-vantaġġ fl-ewwel taqsima, iżda wara li Juventus fetħu l-iskor, ikkontrollaw il-logħba tajjeb biex għalqu l-konfront bit-tieni gowl lejn it-tmiem.

Juventus marru minn fuq fis-56 minuta, meta kien l-eks plejer FEDERICO BERNARDESCHI li bi free-kick minn tarf il-kaxxa mil-lemin, għeleb lil Marco Sportiello, bil-gowlkiper ta’ Fiorentina jġorr ftit responsabbiltà tal-gowl. Il-Bianconeri għalqu l-logħba fis-86 minuta bl-attakkant Arġentin GONZALO HIGUAIN javvanza minn kontrattakk u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Sportiello.

Huma bħalissa jinsabu żewġ punti fuq Napoli li jilagħbu għada fid-8.45pm f’darhom kontra Lazio.