Sport Sport Ieħor

Kampjonati tal-Mediterran tal-Bowling: Il-Maltin jippruvaw jiddefendu l-ewwel post

Il-Malta Tenpin Bowling Association ħabbret l-għażla tat-Tim Nazzjonali għall-Kampjonati tal-Bowling tal-Mediterran li jmiss.

Il-kampjonati jsiru kull sena f’April u huma miftuħin għall-Pajjiżi Mediterranji kollha. Kull pajjiż se jibgħat tim ta’ erba’ bowlers, żewg irġiel u żewġ nisa.

Il-proċess tal-għażla kien ibbażat fuq 24 logħba. Ir-rebbieħa huma Sue Abela, Sara Xuereb, Mauro Anastasi, Justin Caruana Scicluna.

L-erba’ li huma għandhom esperjenza vasta f’dawn il kampjonati tal-Mediterran u huma wkoll rebbieħa ta’ diversi medalji fil-passat.

Fil-fatt, Sue Abela ikkontestat f’rekord ta’ 20 edizzjoni u hija l-aktar bowler li qatt rebħet medalji f’dawn il-kampjonati.

It-tim Malti kien rebaħ 5 medalji fl-aħħar edizzjoni li saret ġewwa s-Slovenja, liema medalji poġġew lil Malta fil-quċċata tal-lista tal-medalji mirbuħa fl-edizzjonijiet kollha precedenti, b’rebħ ta’ 39 medalja tad-deheb f’20 edizzjoni.

Il-Greċja tinsab fit-tieni post u hi segwita minn Franza u mill-Italja. L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir fit-Turkija.