Edukazzjoni Lokali

“L-MCAST mhi fl-ebda pożizzjoni li tagħmel il-kundizzjonijiet” – L-MUT

Uffiċjali u membri tal-MUT barra l-bini tal-MCAST (Ritratt: Arkivji)
L-MUT tgħid li rċeviet notifika li l-MCAST se jirtira l-mandat, iżda qed tirriserva d-dritt li terġa' tħabbar l-azzjonijiet industrijali

“L-MCAS mhi fl-ebda pożizzjoni li tagħmel il-kundizzjonijiet” qalet il-Union tal-Għalliema Maltin fi stqarrija b’reazzjoni għall-aħbar li l-MCAST lesta twaqqaf l-azzjoni legali kontra l-MUT bil-kundizzjoni li jitkomplew id-diskussjonijiet mingħajr interruzzjonijiet.

L-MCAST ħabbret li lesta tirtira l-azzjoni legali li fetħet bl-iskop li twaqqaf lill-MUT milli tistrajkja. Imma din id-deċiżjoni ġiet deskritta mill-MUT bħala mossa li turi kemm l-MCAST ma kellhom l-ebda argument u kienet biss tattika biex ikaxkru saqajhom għad-detriment tal-edukaturi.

L-MUT qalet li l-edukaturi bħalissa jinsabu b’moral baxx kemm għall-kundizzjonijiet li għandhom u kif ukoll minħabba dawn it-tattiċi li jikxfu kemm l-MCAST qed tagħmel manuvri sovversivi għad-detriment tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar għall-istudenti. “Dan juri biċ-ċar li l-maskra tal-MCAST issa waqgħet”, iddikjarat l-MUT fl-istqarrija tagħha.

“L-MCAST m’hi fl-ebda pożizzjoni li tagħmel kundizzjonijiet wara li tilfet kull kredibilita’ b’tattiċi infantili li ma jagħmlu ġieħ lill-ebda istituzzjoni, wisq aktar waħda edukattiva li taspira li tkun Università, speċjalment kundizzjonijiet li bihom jixxekklu d-drittijiet trejdjunonistiċi tal-ħaddiema tagħha”, qalet l-MUT.

L-MUT żiedet li filwaqt li l-MUT irċiviet in-notifika li l-MCAST ser jirtira l-mandat, ma kien hemm l-ebda kommunikazzjoni bejn l-MUT u l-MCAST f’dan ir-rigward u l-irtirar kienet deċiżjoni li l-MCAST ħaditha waħedha. L-MUT temmet tgħid l itirriserva d-dritt li terġa’ tħabbar l-azzjonijiet industrijali, liema dritt ipprova jittieħed mill-MCAST.

L-MCAST tgħid li lesta tirtira l-azzjoni legali kontra l-MUT