Edukazzjoni Lokali

L-MCAST tgħid li lesta tirtira l-azzjoni legali kontra l-MUT

...Bil-kundizzjoni li jitkomplew id-diskussjonijiet 'mingħajr interruzzjonijiet'

It-tmexxija tal-MCAST qalet li lesta twaqqaf l-azzjoni legali li ħadet kontra l-Union tal-Għalliema Maltin (l-MUT) bħala azzjoni ta’ rieda tajba.

Il-proċeduri fil-Qorti kienu nfetħu mill-MCAST kontra l-MUT fl-aħħar ta’ Jannar li għadda talli l-union tal-għalliema kienet qed tagħmel numru ta’ azzjonijiet industijali b’rabta mal-ftehim kollettiv għall-għalliema tal-MCAST, wara li l-aħħar ftehim kollettiv skada fl-2016.

L-MCAST kienet talbet lill-Qorti biex toħroġ mandat ta’ inibizzjoni sabiex l-azzjonijiet industrijali jitwaqqfu sakemm tittieħed deċiżjoni finali mill-Qorti dwar jekk l-azzjonijiet industrijali humiex legali jew le. Il-mandat ta’ inibizzjoni kien intlaqa’ mill-Qorti.

Iżda fi żvilupp ġdid, l-MCAST qalet li qed tirtira l-azzjonijiet legali li ħadet kontra l-MUT bil-kundizzjoni li l-union tal-għalliema taċċetta li tirritorna lura għad-diskussjonijiet mingħajr interruzzjonijiet.

Imma f’kummenti ma’ The Times, it-tmexxija tal-MUT innutat li l-MCAST qed timponi kundizzjonijiet fuq dik li suppost hija azzjoni ta’ rieda tajba. Żiedet tgħid li mhux lesta li taċċetta kwalunkwe kundizzjoniji għall-irtirar ta’ azzjoni legali li hija intenzjonata li tagħlaq ħalq il-union.

Sadanittant, tard ilbieraħ filgħaxija, l-MCAST ħarġet stqarrija oħra li fiha qalet li minn dejjem kienet miftuħa għad-diskussjonijiet. “Diġa offrejna pakkett tajjeb b’kundizzjonijiet aħjar għall-istaff akkademiku, u lesti nkomplu bid-diskussjonijiet għall-benefiċċju tal-istaff u l-istudenti”, qalet it-tmexxija tal-MCAST fit-tieni stqarrija f’temp ta’ ftit sigħat.

L-aħbar li l-MCAST offriet li twaqqaf l-azzjoni legali kontra l-MUT intlaqet b’reazzjonijiet imħallta, speċjalment minn studenti tal-MCAST stess li qalu li l-MCAST kien messha tpoġġi bilqegħda għal ftehim sena ilu meta skada l-ftehim kollettiv.

Uffiċjali u membri tal-MUT barra l-bini tal-MCAST (Ritratt: Arkivji)