Lokali

Manuvri biex Mario Tonna jerġa’ jiddaħħal fil-Korp wara li kien aggredixxa lis-sieħba tiegħu

Is-sieħba tiegħu taħfirlu għal dak kollu li kienet qalet li għamlilha

In-Nazzjon illum żvela kif fl-aħħar jiem bdew isiru manuvri biex Mario Tonna jerġa’ jkun ‘reinstated’ fil-Korp tal-Pulizija.

Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li invista tal-fatt li s-sieħba ta’ Mario Tonna rtirat ir-rapporti li kienet għamlet fuqu u sussegwentement ħafritlu għal dak kollu li ġara bejniethom, issa bdiet issir pressjoni biex Mario Tonna jerġa’ lura fil-Korp tal-Pulizija minn fejn kien irriżenja mill-kariga ta’ Assistent Kummissarju.

L-argumenti li qed jinġiebu favur Mario Tonna lura fil-Korp tal-Pulizija huma bażati fuq il-fatt li s-sieħba tiegħu ma baqgħetx tinsisti fuq ir-rapporti li kienet għamlet fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema kif ukoll  li l-inċidenti bejniethom issa huma xi ħaġa tal-imgħoddi u li hi kienet ħafritlu.

Huma qed jirraġunaw ukoll li invista ta’ dan ix-xenarju allura l-Public Service Commission għandha tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni attwali tal-istess Mario Tonna biex hekk dan jerġa’ jidħol mill-ġdid fil-Korp tal-Pulizija bħal qisu ma ġara xejn ħażin li wasslu biex jirreżenja mill-istess Korp.

Kien il-ġurnal In-Nazzjon li fil-bidu ta’ din is-sena żvela kif fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema kien iddaħħal rapport dwar vjolenza domestika mill-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna fuq dik li kienet is-sieħba tiegħu u mbagħad saret l-ekssieħba tiegħu u mbagħad reġgħet is-sieħba tiegħu.

Dan il-ġurnal kien żvela kif fir-rapport li sar lill-Pulizija, is-sieħba tiegħu kienet allegat li hu taha daqqa ta’ ras f’nofs wiċċha u kkaġunalha feriti f’imneħirha… l-istess rapport lill-Pulizija juri li hu spiss ikun xurban u dan mill-ħin tas-2pm ’il quddiem.

L-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna, li tul il-leġiżlatura li għaddiet u din il-leġiżlatura kien il-protagonist ta’ bosta promozzjonijiet li ngħata mingħajr ma kien jimmeritah, eventwalment kien irriżenja mill-Korp tal-Pulizija bl-iskop li jaħrab minn proċeduri dixxiplinarji u anki bl-iskop li jissalvagwarda l-pensjoni tiegħu.

Minn investigazzjonijiet li għamel In-Nazzjon dakinhar kien irriżulta li kollox beda jiżviluppa nhar l-20 ta’ Diċembru li għadda… jiġifieri ftit tal-jiem biss qabel il-Milied.

F’rapport li s-sieħba tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna għamlet nhar it-28 ta’ Diċembru fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema, hi stqarret  li nhar l-20 ta’ Diċembru li għadda għall-ħabta tas-6.30pm Mario Tonna, waqt argument magħha, taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha. Dwar din id-daqqa ta’ ras u l-ġrieħi li kkawżalha hi ma għandhiex ċertifikat mediku.

Kien irriżulta wkoll li nhar it-28 ta’ Diċembru s-sieħba tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna marret fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema speċifikament biex tagħmel rapport li l-istess Mario Tonna, il-partner tagħha u li hu Uffiċjal fil-Korp tal-Pulizija, kien għadu kemm kellu argument magħha.

Stqarret mal-Pulizija li dakinhar huma kienu qegħdin brejk flimkien ġol-uffiċċju tagħha fil-Qorti u l-argument inbeda meta għal xi l-11am bdew jitkellmu fuq xi reception li kellhom għand il-Kummissarju tal-Pulizija flimkien ma’ Uffiċjali oħra tal-Korp tal-Pulizija fejn meta hi qaltlu li ma xtaqitx tmur, hu beda jargumenta magħha fejn imbagħad qabad il-beritta tas-Servizz u telaq ’il barra.

Hi kompliet tirrapporta lill-Pulizija li l-Assistent Kummissarju Mario Tonna beda jċemplilha fuq it-telefon tal-uffiċċju tagħha u beda jgħajjarha bil-kliem: “miġnuna, demel, ħmieġ u qaħba,” u kliem ieħor.

Is-sieħba tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna kompliet li probabbilment Mario Tonna kien fis-sakra meta ġara dan kollu.

Kompliet li sadattant meta hi marret lura d-dar fil-5pm hi sabet li l-affarijiet personali ta’ Mario Tonna ma kinux għadhom hemm. Madankollu hu żamm iċ-ċavetta tar-residenza tagħha.

Kien f’dan ir-rapport lill-Pulizija wkoll li s-sieħba ta’ Mario Tonna żvelat li aktar qabel f’dak ix-xahar stess, jiġifieri fl-20 ta’ Diċembru, Mario Tonna kien taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha.

L-għada s-sieħba tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna reġgħet marret fl-istess Għassa tal-Pulizija biex tiġbor kopja tar-rapport li kienet għamlet fil-jum ta’ qabel u infurmat lill-Pulizija li mar-rapport oriġinali tagħha xtaqet li żżid xi fatti oħrajn.

Hi qalet li fir-rapport oriġinali tagħha kienet ħalliet numru ta’ fatti barra, fosthom li nhar l-20 ta’ Diċembru 2017 f’xi 6.30pm Mario Tonna, issa deskritt bħala “eks sieħeb”, taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha. “Għand it-Tabib ma stajtx immur minħabba li Mario Tonna kien miegħi l-ħin kollu. Anki fil-ġranet ta’ wara peress li t-tnejn li aħna ma morniex xogħol.”

Hi kompliet li “wara dak l-episodju bħal qisu li l-argument kien twitta minħabba li hu għalaq sninu nhar it-22 ta’ Diċembru u fil-fatt morna nieklu barra.

“L-għada tal-Milied reġa’ nqala’ argument bejnietna u bqajna sejrin bih sal-bieraħ (28 ta’ Diċembru 2017). Fil-fatt meta ġie fl-uffiċċju tiegħi biex nieħdu lunch, bħas-soltu fil-11am, wara għaxar minuti telaq ’il barra. Dan għaliex jien ma ridtx nattendi reception tal-Kummissarju tal-Pulizija fid-Depot tal-Pulizija, u dan għal diversi raġunijiet.”

Fir-rapport tagħha hi kompliet li minn dak il-ħin hu beda jċemplilha l-ħin kollu fuq it-telefon tal-uffiċċju tagħha jew inkella fuq iċ-ċellulari tagħha. Dan apparti minn bosta sms’s li bagħtilha u korrispondenza wkoll fuq il-What’s Up.
Hi qalet li nnutat li mis-2 pm ’il quddiem, il-vuċi u r-raġunament tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna kien inbidel għall-agħar… “bħal qisu bniedem fis-sakra”.

Fost ħafna kliem li beda jgħidilha, qalilha li b’tal-linja kien jaqblilha u dan biex jindikalha li dakinhar ma kienx se jmur għaliha bħas-soltu wara x-xogħol biex allura jmorru d-dar flimkien.

Hi żiedet li kważi kuljum mis-2pm ’il quddiem meta l-Assistent Kummissarju Mario Tonna jkun xogħol, hu jkun jinstema’ b’tonalità ta’ wieħed xurban. Hi qalet li kemm-il darba dwar dan kienet ġibditlu l-attenzjoni. Anki minħabba sewqan perikoluż f’dak l-istat ta’ xorb.

“Jien hekk għamilt u mort id-dar bil-karozza tal-linja. Kif wasalt id-dar sibt li hu kien ħa l-affarijiet tiegħu kważi kollha. It-telefon tad-dar ma waqafx idoqq. Però jien, invista ta’ dak li kien ġara, ma weġibtx. Wara ġbart l-affarijiet li kien għad fadallu fid-dar tiegħi biex neħodhom fl-Għassa tal-Pulizija u dan peress li kien hemm darba oħra meta ħwejġu ġew għalihom xi Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema biex tagħtihom l-istess oġġetti tiegħu.”

Hawnhekk hi għamlet enfasi mal-Pulizija li kienu qed jeħdulha r-rapport fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema li hi ma kinetx tħossha sigura ladarba Mario Tonna żamm iċ-ċavetta tad-dar ta’ barra għandu invista “tal-fatt li kemm-il darba refa’ jdejh fuqi”.

Hi qalet li darba għaffġilha wiċċha ma’ vann li kien ipparkjat fit-triq quddiem id-dar tagħha. Darba oħra refa’ jdejh fuqha fil-bitħa tad-dar tagħha. Darba oħra ħareġ is-sikkina għaliha. U l-aktar każ reċenti kien meta taha daqqa ta’ ras ġo mneħirha. Hi kompliet li dakinhar kienet staqsietu, permess ta’ sms, għaċ-ċavetta tal-bieb tad-dar tagħha. Imma hu qalilha li ċ-ċavetta kien impustahielha.

Hi qalet li f’dak ix-xenarju ma kellha l-ebda alternattiva għajr li tibdel is-serratura tal-bieb tad-dar tagħha. Hi qalet li la darba ma għadhomx flimkien, allura jitħassru minn fuq iċ-ċellulari tiegħu xi filmati li hu kien ħa tagħha meta kienet qed tinħasel u li hu ġibed mingħajr il-konoxxenza tagħha. B’dawn il-filmati hi saret taf aktar tard u b’kumbinazzjoni.