NET News għandu f’idejh telefonata li tikkonferma li l-eks Deputat Laburista Joe Debono Grech ingħata uffiċċju f’Kastilja u li minnu qed iservi aktarx bħala konsulent tal-Prim Ministru b’irwoli partikolari u speċifiċi.
NET News għamel eżerċizzju fejn ċempel Kastilja bil-pretensjoni li kellna bżonn nagħmlu appuntament ma’ Joe Debono Grech. Malli ċempilna fuq in-numru tat-telefon tal-uffiċċju ta’ Joe Debono Grech, qabditna persuna li laqgħatna bil-kliem: “Hello, l-uffiċju ta’ Joe Deobono Grech’.
L-istess persuna qaltilna li biex inkellmu lil Joe Debono Grech, ridna appuntament għal laqgħa miegħu. Filfatt, mhux talli Joe Debono Grech għandu uffiċċju f’Kastilja, iżda talli għandu Segretarja tirreġistralu l-appuntamenti. NET News insista li jinqeda għal appuntament, bil-persuna li rrispondiet it-telefon tweġibna: ‘Naħseb jaqdik biex tagħmel appuntament miegħu, mela ma jaqdikx. Jiġu jkellmuh ħafna nies’.
Mit-telefonata li għamilna, jirriżulta wkoll li Joe Debono Grech qed ikun Kastilja kuljum barra l-Erbgħa.
Il-fatt li l-eks Deputat Laburista issa għandu uffiċju f’Kastilja jqajjem mistoqsijiet dwar jekk dan ifissirx li Debono Grech qed jingħata xi ħlasijiet mit-taxxi tan-nies bħala konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
L-anqas għadu magħruf x’inhuma l-irwoli speċifiċi li Joe Debono Grech qed jaqdi minn dan l-uffiċju li għandu f’Kastilja, komplut b’linja tat-telefon, u b’Segretarja biex tagħmillu l-appuntamenti. Li hu żgur hu li ħafna nies qed jagħmlu appuntamenti ma’ Joe Debono Grech aktarx biex iwasslu l-ilmenti tagħhom direttament lill-Gvern.
NET News bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lil Kurt Farrugia, il-Kelliem tal-Prim Ministru f’Kastlija, biex nistaqsu jekk Debono Grech hux jirċievi xi ħlasijiet għax-xogħol li qed jagħmel minn Kastilja. Madanakollu bqajna mingħajr risposti.
Joe Debono Grech ma kkontestax l-aħħar elezzjoni ġenerali. Matul il-leġislatura li għaddiet, waqt li kien Deputat Laburista, kien inħatar konsulent fil-Ministeru ta’ Għawdex.

Il-konversazzjoni kollha hawn taħt
Kastilja – Hello, l-uffiċċju ta’ Joe Debono Grech.
NET – Hello. Nista’ nkellem lil Joe Debono Grech għal li jista’ jkun?
Kastilja – Mhux hawn qiegħed. Ħareġ naqra mill-uffiċċju. Mhux hawn qiegħed.
NET – Taf għaliex? Għaliex fuq Facebook rajt dik il-‘post’ li tella’, biex inċemplulu biex jekk irridu nagħmlu appuntament…
Kastilja – Ma nafx. Lilu trid tgħid fuqha. Ma nafx… Trid ngħidlu jċempillek għal li jista’ jkun?
NET – Le, le. Filkaż nerġa’ nipprova nċempel jien ħa nkellem lilu mill-ewwel.
Kastilja – Mela ħalli nofs siegħa oħra. Tajjeb? Jista’ jkun qiegħed f’xi uffiċċju ieħor, għalhekk qed ngħidlek. OK?
NET – Eh, mela mhux Birkirkara jiena rrid immur inkellmu?
Kastilja – Le, m’intix tifhimni. Biex tiftihem miegħu. Hawnhekk Kastilja inti ċempilt.
NET – Eħe, eżatt. Jiġifieri jiena fejn irrid immur biex inkellmu?
Kastilja – Biex tkellmu tista’ tiġi Kastilja. Fejn jogħġbok. Kastilja imma jara n-nies hu. Jiġifieri għalhekk qed ngħidlek.
NET – Imma taħseb li jaqdini jiġifieri jekk…. Jiġifieri kif l-aħjar? Inċempillu u nagħmel appuntament jew naqbad niġi hemmhek u jaqdini?
Kastilja – Aħjar, aħjar. Le, le. Ċempillu fejn ċempilt issa, tagħmillek l-appuntament is-segretarja. Bħalissa mhux qiegħda hawn. Probabbli qiegħda miegħu. Għalhekk qed ngħidlek. Ikollhom xi appointment x’imkien. Għalhekk qed ngħidlek.
NET – Eħe, imma jaqdini jiġifieri, għax jiena nkella għalxejn ħa noqgħod inċempel u nagħmel l-appuntamenti jiġifieri. Tifhimni?
Kastilja – Naħseb jaqdik biex tagħmel appuntament miegħu, mela ma jaqdikx. Jiġu jkellmuh ħafna nies hux.
NET – Jien għall-isptar propja. Għax jien għandi ommi qalulha tmur għall-MRI xi sena u nofs oħra, u ma naħsibx li raġjonevoli sena u nofs. Sewwa?
Kastilja – Inti ċempillu. Jien għalhekk għidtlek – jekk trid neħodlok in-numru tat-telefon u ċċempillek hi s-Segretarja.
NET – Le, le. Aħjar inkellmu jien.
Kastilja – Mela ċempel inti, OK? U jagħmillek appuntament. No problem.
NET – Fuq dan in-number jew inċempillu dirett fuq il-mobile?
Kastilja – Jekk trid iċċempillu mobile, ċempillu dirett fuq il-mobile. Jekk trid iċempillu hawn biex tagħmel appuntament miegħu, jaqbillek iċċempel fuq dan-number, fhimtni? Biex tagħmillek appuntament hi, is-segretarja. Fhimtni?
NET – Jimporta jekk għal li jista’ jkun… jiena suppost għandi ta miktub, imma tfakkarni naqra n-numru tal-mobile? Għax jien naħseb aħjar inċempillu dirett fuq il-mobile hux la għal appuntament l-isptar….ejja nkunu ċari.
Kastilja – Ma nafx. Ifhimni, jiena l-mobile personal ma nistax intihulek tiegħu, għalhekk qed ngħidlek.
NET – Fhimtek. Le, għandi x’imkien jiena. Filkaż inċempillu fuq dan hawn, li ċempiltlek fuqu. 22 001 029. Dak tal-uffiċċju tiegħu ta’ Kastilja?
Kastilja – Eżatt eħe. Daqshekk hu, l-uffiċu tiegħu. Jekk ma jkellmekx hu, ħa tkellmek is-segretarja. OK?
NET – U jekk naqbad u niġi? Jien naf, pereżempju dalgħodu, naqbeż qabża? Għax kont tiela’ l-Belt. Kif inkun hemmhekk, taħseb li jarani?
Kastilja – Mhux tipprova trid? Għax jaf ma jkunx hawn, ikun ħareġ fuq xi meeting. Għalhekk qed ngħidlek.
NET – Jiġifieri hu kuljum qed ikun hemm?
Kastilja – Kif?
NET – Hu kuljum qed ikun hemm?
Kastilja – Barra l-Erbgħa… barra l-Erbgħa.
NET – Barra l-Erbgħa… Probabbli jkun Birkirkara l-Erbgħa.
Kastilja – Jekk inti ċċempel fuq dan-numru, is-segretarja se terġa’ tagħmillek, jekk ma tridx ittini l-mobile u jċempillek hu.
NET – U le, ifhimni għaliex ħabib. Għax jiena minħabba appuntament l-isptar, qed tifhimni?
Kastilja – Ijwa, għalhekk qed ngħidlek. Kif jogħġbok. Jekk iċċempel hawnhekk, is-segretarja ħa tagħmillek appuntament. OK? U jista’ jkun li jkellmek hu wkoll jekk ikun hawn. OK?
NET – Orrajt. OK ħi. OK. Grazzi, grazzi. Ċaw.
//= $special ?>