Lokali

Pazjenta anzjana tintbagħat lura bi trasport mhux adekwat u mingħajr l-assistenza ta’ parmediċi

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji
Binha tikteb lill-Ministru tas-Saħħa u tipprotesta li l-anzjani bla vuċi u fi stat mill-aktar vulnerabbli jkunu abbużati mis-sistema.... l-anzjani ma għandhomx ikunu trattati bħala numri

Anzjana ta’ 84 sena li fil-jiem li għaddew iddaħħlet l-Isptar Mater Dei u kienet operata minnufih f’dik li kienet meqjusa bħala operazzjoni ta’ bejn ħajja u mewt, intbagħatet lura d-dar wara ftit permezz ta’ trasport mhux adekwat fejn saħansitra anqas paramediku ma kien hemm jassisti lill-istess anzjana.

Tkellmet ma’ In-Nazzjon, Tanya Mallia li fissret li fil-jiem li għaddew ommha kellha bżonn tiddaħħal l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei għal operazzjoni immedjata mill-aktar kruċjali li kienet deskritta mill-istess Kirurgu tagħha “operazzjoni bejn ħajja u mewt”.

Jirriżulta li wara li din il-pazjenta saritilha l-operazzjoni tant delikata tpoġġiet f’sala fejn kien hemm pazjenti oħrajn li kienu qed ixerrdu l-mikrobi kaġun tal-kundizzjoni li kellhom.

Hi ġibdet l-attenzjoni ta’ min imexxi s-sala li fil-kundizzjoni fraġli li kienet ommha fiha wara l-operazzjoni li saritilha, l-iċken mikrobu li setgħet tlaqqat kien faċilment jibagħtha d-dinja l-oħra.  Madankollu t-tweġiba li ngħatatilha kienet li kellha raġun iżda ma kienx hemm post ieħor fejn pazjent partikulari seta’ jintbagħat.

Meta hi talbet biex tal-inqas tinfetaħ tieqa mill-istess sala biex tgħaddi ftit arja friska, anki minħabba li pazjent minnhom kien qed jirremetti u kellu wkoll diahrrea, it-tweġiba kienet lit-tieqa ma kienx hemm permess li tinfetaħ.

Fortunatament – u grazzi għat-tim mediku li għamel il-mirakli ma’ ommha – l-omm qalbet għall-aħjar u ntbagħtet f’sala oħra fejn komplew jagħtuha l-kura li kellha bżonn.

Ftit jiem wara l-anzjana kienet liċenzjata biex tirritorna fid-Dar tal-Anzjani fejn qed tgħix. “Hawnhekk erġajna għexna trawma oħra meta lil ommi bagħtuha permezz ta’ trasport – meta suppost bagħtuha b’ambulanza – li fl-opinjoni umli tiegħi anqas hi tajba biex jinġarru l-annimali fiha.

“Ma’ ommi kien hemm ukoll żewġ pazjenti oħrajn flimkien ma’ bosta oġġetti oħrajn li kien hemm fl-istess vann. Il-kundizzjoni interna ta’ dan il-vann li jġorr il-pazjenti – minkejja li fuqu għandu miktub saħansitra l-kelma “ambulanza” – hi tassew ħażina… seat belt ma jaħdmux, ċaqlieq u żaqżieq u meta basket ta’ persuna waqa’ fl-art spiċċa bl-oġġetti kollha li kien hemm fih jiġru mal-art ta’ dan il-vann.”

Dwar dan kollu Tanya Mallia kitbet saħansitra lill-Ministru Chris Fearne li ġibditlu l-attenzjoni għal dan in-nuqqas ta’ rispett lejn l-anzjani fejn f’dan il-każ partikulari l-awtoritajiet urew li għalihom l-anzjani huma biss numru u xejn aktar.

Hi ħeġġitu biex il-kura u s-servizzi lill-anzjani, b’mod partikulari meta huma pazjenti, jingħatawlhom bl-imħabba u mhux għaliex dawn huma vulnerabbli u bla vuċi allura jkunu abbużati mis-sistema.