Lokali

Is-Sindku tar-Rabat jinqabad jigdeb biex jintogħġob mar-residenti

Is-Sindu tal-Partit Laburista fir-Rabat Charles Azzopardi spiċċa mgiddeb mis-Sindku Laburist ta’ Ħad-Dingli Sandro Azzoppardi dwar kwistjoni fuq Triq Ġorġ Borg Olivier.

Din it-triq ilha snin twal tkun ta’ problema minħabba li hi trid dejqa. Jekk wieħed ma jċedix lill-karozzi tal-linja, it-triq tispiċċa mblukkata għaliex anke żewġ vetturi privati jgħaddu bl-eżatt.

Barra minn hekk, nuqqas ta’ infurzar qed iwassal biex trakkijiet u vetturi kbar li mhux suppost jgħaddu minn din it-triq, jagħmlu dan b’impunità u b’mod regolari.

Fost is-suġġerimenti li saru kien hemm li din it-triq issir one way, jiġifieri minnha jgħaddu biss karozzi ġejjin mid-direzzjoni opposta. Dan l-esperiment sar fil-passat iżda falla.

Madankollu dan is-suġġeriment qed isir mill-ġdid u jintalab mir-residenti Rabtin, li fuq Facebook deher li kellhom l-appoġġ tas-sindku tagħhom Charles Azzopardi.

Madankollu bogħod mill-midja soċjali, is-Sindku tar-Rabat jidher li jgħid mod ieħor. Filfatt is-Sindku ta’ Ħad-Dingli pubblikament giddbu u fakkru li waqt laqgħa ma’ Transport Malta f’Mejju li għadda kien qabel li tibqa’ two way, jiżdied l-infurzar u jiġu esplorati metodi oħra li jikkontrollaw it-traffiku.

Fil-botta u risposta li segwiet, is-Sindku Charles Azzopardi qal li saret laqgħa oħra wara l-aħħar elezzjoni ġenerali fejn jidher li biddel l-opinjoni tiegħu u wera x-xewqa li t-triq issir one way.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli u r-residenti tiegħu joġġezzjonaw li din it-triq issir one way mill-ġdid għaliex jekk iseħħ dan, ikollhom jużaw rotta ferm itwal u jduru dawra mar-Rabat biex jgħaddu minn Vjal il-Ħaddiem.