Internazzjonali

Spekulazzjoni li nstab fejn hu l-ajruplan tat-Titjira MH370

Is-Seabed Constructor fil-port ta' Henderson, f'Perth, fl-Awstralja.

Hemm spekulazzjoni li bastiment li qed ifittex il-fdalijiet tal-ajruplan tal-Malaysian Airlines li kien għeb fl-2014, b’239 persuna abbord, seta’ sab il-lokalità eżatta tagħhom, fl-Oċean Indjan, u li l-operatur tal-bastiment ‘irid ikun ċert li jitħallas qabel jiżvela d-dettalji lill-Gvern tal-Malasja’.
Dan meta l-bastiment, bl-isem Seabed Constructor, jiem ilu, kien tefa’ it-transponder tiegħu fl-Oċean Indjan, qabel daħal fil-Port ta’ Henderson, f’Perth. Intant, l-operatur, Ocean Infinity, li hu bbażat f’Texas ma riedx jispjega dwar l-hekk imsejjaħ blackout fiċ-ċirkustanzi.
Fil-fatt, il-kelliema qalu biss li l-bastiment kellu jqatta’ ftit żmien fil-port qabel ikompli bit-tfittxija għall-fdalijiet tat-Titjira MH370 li għebet fit-8 ta’ Marzu tal-2014 waqt titjira minn Beijing, fiċ-Ċina, lejn Kuala Lumpur, fil-Malasja.
L-għajbien seħħ wara li s-sistema għall-komunikazzjoni ‘Acars’ tal-ajruplan kien intefa’, anqas minn siegħa wara l-bidu tat-titjira fatali.
Kien fit-2 ta’ Jannar li s-Seabed Constructor telaq mill-port ta’ Durban, fl-Afrika t’Isfel, biex ifittex għall-ajruplan inkwistjoni.
Dan il-bastiment għandu l-inkarigu li jfittex fiz-zona fejn l-ispeċjalisti tal-avjazzjoni qed iqisuha bħala ‘l-aktar lokalità probabbli fejn l-ajruplan kien spiċċalu r-riservi tal-fuel’. Il-missjoni qed issir fuq il-bażi li l-operatur ma jitħallasx f’każ li ma jinstabux il-fdalijiet tal-MH370.
Sadattant, David Stupples, professur tas-sistemi elettroniċi u tar-radju mal-Università ta’ Londra, qal li ‘wieħed ma jistax jgħid li sitwazzjoni bħal tal-MH370 mhix se tirrepeti ruħha, għaliex id-dinja, ’il quddiem, għandha tara inċidenti simili’.
Hu kien qed jirreferi għall-fatt li l-ħtiġiet internazzjonali għall-ajruplani ġodda biex ixandru l-lokalitajiet tagħhom kull minuta mhumiex se jsiru effettivi qabel l-2021.
Għaldaqstant, fi kliem Stupples, ‘sal-2040 jew l-2050 se jkun hemm numru pjuttost kbir ta’ ajruplani li jkunu qed joperaw is-servizzi mingħajr sistema ta’ tracking’.
Fil-preżent, xi linji tal-ajru li jinkludu l-Malaysia Airlines, Singapore Airlines, Qantas Airways u Qatar Airways qegħdin isegwu t-tracking tal-ajruplani kull 15 il-minuta, b’ dan l-impenn se jitmexxa bħala kriterju stabbilit minn Novembru.